Tuesday, April 23, 2024

Pelin Kaya mietet kawża ta’ ġrieħi fl-iskutella ta’ rasha

Jixhed il-Patoloġista li kien appuntat biex jagħmel l-awtopsja fuq il-vittma

Aqra wkoll

Pelin Kaya mietet kawża ta’ ġrieħi li sofriet fl-iskutella ta’ rasha. Xehed dan patologu li kien appuntat biex jagħmel l-awtopsja fuq il-katavru tagħha.

Pelin Kaya tilfet ħajjitha fit-18 ta’ Jannar li għadda wara li ttajret minn karozza li saqet għal fuqha. B’rabta ma’ dan il-każ, Jeremie Camilleri ta’ 33 sena, qed jiġi mixli bil-qtil tagħha.

Hekk kif illum kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Camilleri, issejjaħ biex jixhed l-Espert Patoloġiku Ali Safraz li kien appuntat fl-Inkjesta Maġisterjali biex jagħmel l-awtopsja fuq Pelin Kaya. Huwa ppreżenta rapport dettaljat li kien ħejja f’dan ir-rigward.

Sadanittant l-Ispettur Shamus Woods ippreżenta fil-Qorti żewġ ritratti tal-ġrieħi li sofriet Fiona Brincat, mara li kienet fuq il-post tad-delitt u li allegatament qalgħet daqqiet ta’ ġebel mill-imputat.

Wara kien imiss biex tixhed Clarisse Camilleri, omm l-akkużat iżda qalet li ma xtaqitx tixhed fil-konfront ta’ binha.

Xehed ukoll il-Patoloġista Dr David Pisani li kien appuntat flimkien mal-Patoloġista Ali Safraz. Pisani kkonferma r-rapport li ppreżenta Safraz.

Fis-seduta xehdu ukoll żewġ uffiċjali forensiċi li spjegaw illi meta marru fuq il-post kienu infurmati li ttajret tfajla. Huma ppreżentaw ir-ritratti li ttieħdu minn fuq ix-xena tad-delitt.

Fl-Awla xehed ukoll Dr Godwin Sammut li kien inħatar biex janalizza l-kampjuni tad-demm u tal-awrina ta’ Jeremie Camilleri. Huwa xehed li mit-testijiet irriżulta li Camilleri kien pożittiv għall-kokaina u l-kannabis, filwaqt li ma rriżultax li kien taħt l-effett tal-alkoħol.

Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello.

il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Kurt Zahra u Shamus Woods bl-għajnuna tal-Avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali (AĠ) Kayleigh Bonnett.

L-avukati Alfred Abela u Rene Darmanin dehru għal Camilleri mentri għall-familjari tal-vittma dehru l-avukati Charlon Gouder, Ramona Attard u Shazoo Ghaznavi.

Il-każ ikompli fil-ġimgħat li ġejjin.

Sport