Friday, May 3, 2024

Fl-ewwel tliet xhur tal-2023 l-iktar lukandi popolari mat-turisti kienu dawk t’erbat istilel

Aqra wkoll

Matul l-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, ftit inqas minn 409,000 turisti li żaru f’Malta f’dan il-perijodu qagħdu fi stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni kollettiva li l-parti l-kbira tagħhom kienu lukandi ta’ erba stilel.

Dawn iċ-ċifri jikkonfermaw ukoll li b’kollox, l-iljieli totali li dawn it-turisti qattgħu f’Malta ammontaw għal 1,659,501.

Iċ-ċifri publikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li fl-ewwel kwart tal-2023, l-akbar sehem ta ljieli kien irrappurtat f’lukandi ta’ 4 stilel, bi 48.4 fil-mija tat-total.

It-tul medju li qattgħu fi stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni kollettiva fl-2023 baqa’ l-istess għal 4.1 iljieli meta mqabbel maċ-ċifra rreġistrata matul l-istess kwart tal-2022. 

Fuq livell nazzjonali, matul Marzu 2023, kien hemm 257 stabbiliment attiv ta’ akkomodazzjoni kollettiva b’kapaċità netta ta’ 18,114 kamra tas-sodda u 41,355 sodda.

L-istess ċifri tal-NSO jindikaw ukoll li t-total ta’ dawk li żaru f’Għawdex u Kemmuna u l-iljieli li damu żdied għal 15,179 u 32,672 rispettivament minn 12,548 u 27,678 reġistrati fl-2022.

Meta mqabbel mal-istess kwart tas-sena ta’ qabel, it-tul medju tas-soġġorn f’Malta niżel b’0.1. filwaqt li f’Għawdex u Kemmuna baqa kif kien għal 2.2 iljieli. Ir-rata netta ta’ okkupanza f’Malta żdiedet b’16.6 punti perċentwali, u laħqet 46.3 fil-mija, u dik f’Għawdex u Kemmuna żdiedet b’1.9 punti perċentwali għal 22.0 fil-mija.

Sport