Saturday, December 21, 2024

Periklu serju jekk il-Coronavirus jinfirex bla kontroll fl-Afrika

Aqra wkoll

Esperti jwissu li l-Ewropa u l-Istati Uniti jista’ jkollhom sa erba’ mewġiet tal-virus qattiel jekk ma joqogħdux attenti

Minn Carmen Cachia

Għadd ta’ pajjiżi qegħdin jippjanaw biex inaqqsu l-miżuri meħuda fil-pandemija tal-Coronavirus hekk kif il-mewġa tal-każijiet tidher li qiegħda tinżel ftit ftit. Dawn id-deċiżjonijiet huma meħuda b’kawtela mill-awtoritajiet lokali iżda hemm biża’ li pass kmieni jista’ jsarraf fil-periklu li jerġa’ jibda jinxtered il-virus qattiel u jkun hemm mewġa oħra ta’ din il-pandemija. Tħassib serju huwa dak minn espert tas-saħħa stabbilit li sostna li jekk il-Covid-19 jinxtered fl-Afrika, l-Ewropa u l-Istati Uniti jistgħu jsofru tliet mewġiet oħra tal-istess pandemija, bil-konsegwenzi koroh kollha tagħhom.

Il-Professur Lawrence Gostin, id-direttur tas-saħħa pubblika u tad-drittijiet umani tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO), qal li tifqigħa f’pajjiżi mhux żviluppati tista’ tikkawża epidemija oħra wara li din li ninsabu fiha bħalissa, tkun ġiet ikkontrollata.

Għadd ta’ pajjiżi Ewropej fosthom Spanja, l-Italja u l-Ġermanja, kif ukoll iċ-Ċina, l-Indja, l-Istati Uniti u l-Iran ħabbru li l-miżuri meħuda fil-pajjiżi tagħhom se jkunu mnaqqsa, mentri oħrajn żiedu l-perjodu ta’ lockdown sakemm ikunu ċerti li s-sitwazzjoni hija verament ikkontrollata. Il-pajjiżi li qegħdin jużaw strateġija ta’ kawtela huma r-Renju Unit, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, il-Kanada, l-Awstralja, pajjiżi mill-Amerika t’Isfel, is-Sawdi Arabja, l-Iżrael u l-Afrika t’Isfel. Dan, billi żammew il-miżuri mħabbra fl-eqlel tal-pandemija bħala prekawzjoni biex jevitaw it-tieni mewġa ta’ infezzjonijiet.  L-istrateġija ta’ dawn il-pajjiżi hija li ma jaqbdux u jieqfu jieħdu l-prekawzjonijiet, iżda jimxu “bil-mod u b’mod responsabbli”.

F’dawn l-aħħar xhur il-Covid-19 ħakem u nfirex mal-Ażja, l-Ewropa u l-Amerika ta’ Fuq. Issa hemm il-biża’ li dan il-virus se jinfetta eluf ta’ nies oħra fl-Afrika jew fl-Amerika t’Isfel u minħabba li l-gvernijiet u s-sistemi tas-saħħa f’dawn il-pajjiżi fqar mhux b’saħħithom, mhux se jkunu jistgħu jikkontrollaw jew jiġġieldu l-pandemija meta din tolqothom.

F’intervista fuq ir-Radju tal-BBC, il-Professur Gostin qal li, “il-Covid-19 mistenni jolqot bil-qawwi lill-Afrika u forsi anke lill-Indja. Anke jekk l-Istati Uniti u l-Ewropa jirnexxielhom jikkontrollaw l-epidemija fit-territorji tagħhom, jekk il-Coronavirus ifaqqa’ bil-qawwi u bla kontroll f’partijiet oħra tad-dinja, dan il-virus jerġa’ jidħol kemm fl-Ewropa, kif ukoll fl-Istati Uniti”.

Fil-fatt, dan l-espert jemmen li jekk is-sitwazzjoni ma tkunx ikkontrollata f’dawn il-pajjiżi fqar, il-kontinent tagħna u dak Amerikan, jista’ jkollhom it-tieni, it-tielet u anke r-raba’ mewġa tal-epidemija tal-Covid-19. Huwa għalhekk li Gostin iħoss li m’aħniex siguri sakemm il-pajjiżi dgħajfa jsaħħu l-miżuri ta’ prevenzjoni, kif ukoll itejbu s-sistema tas-saħħa pubblika tagħhom.

Il-fondi sospiżi mill-Istati Uniti jistgħu jaffettwaw lill-pajjiżi l-fqar…

Il-Professur iddeċieda li jitkellem wara li tħabbret id-deċiżjoni tal-President Amerikan, Donald Trump, li jwaqqaf il-fondi lill-WHO. Dan il-pass drastiku li se jitniżżel fl-istorja, ittieħed għax Trump jemmen li kien hemm nuqqas ta’ azzjoni f’waqtha u responsabbli mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa fil-każ tal-pandemija tal-Covid-19. 

Il-President Amerikan ikkritika lill-WHO u akkużaha li ma mxietx kif missha fil-konfront taċ-Ċina u tal-Partit Komunist Ċiniż. Meta ħabbar id-deċiżjoni tiegħu, Trump qal li, “kieku d-WHO għamlet xogħolha sewwa u bagħtet esperti tas-saħħa fiċ-Ċina biex jaraw sew is-sitwazzjoni u nfurzaw li jkun hemm trasparenza mill-awtoritajiet Ċiniżi dwar il-virus, kieku din it-tifqigħa kienet tkun ikkontrollata mill-bidunett u ma kienx ikun hemm il-ħafna mwiet li sofrejna minħabba din il-marda ġdida”.

Trump saħaq li dan kien ikun ifisser li eluf ta’ ħajjiet kienu jiġu salvati u li seta’ ġie evitat id-diżastru finanzjarju li l-komunità internazzjonali għaddejja minnu bħalissa. “Minflok, il-WHO emmnet dak kollu li qaltilha ċ-Ċina mingħajr ma investigat sew is-sitwazzjoni. Mhux talli hekk, talli din l-ogranizzazzjoni anke waslet biex tiddefendi l-azzjonijiet tal-Gvern Ċiniż,” ikkritika Trump.

Il-Gvern Ċiniż qiegħed ikun akkużat li dam biex avża dwar il-perikli tat-tixrid ta’ dan il-virus bil-konsegwenza li issa għandna epidemija serja. Ironikament, għall-bidu Trump ukoll kien qiegħed jiddefendi liċ-Ċina fejn f’Jannar pubblikament faħħar l-impenn taċ-Ċina biex tevita t-tixrid tal-Coronavirus. 

Fil-bidu tat-tifqigħa, il-President Amerikan kien iddikjara li, “l-Istati Uniti tapprezza ħafna l-ħidma u t-trasparenza taċ-Ċina u kollox se jgħaddi b’wiċċ il-ġid. F’isem il-poplu Amerikan, irrid nirringrazzja lill-President Xi”.

Deċiżjoni li jista’ jkollha impatt devastanti

Il-Professur Gostin kien ixxokjat bid-deċiżjoni tal-President Trump, speċjalment meta kien huwa stess li faħħar liċ-Ċiniżi li kienu trasparenti dwar il-kriżi tal-Covid-19. L-espert stqarr li qatt ma stenna li Trump se jkompli jinsisti li se jwaqqaf il-fondi lill-WHO u aktar minnhekk, li fil-fatt, iwaqqafhom kompletament.

“Din id-deċiżjoni minn Trump jista’ jkollha impatt devastanti madwar id-dinja kollha. Ninsab imħasseb ħafna u ddiżappuntat li f’pandemija li sseħħ kull 100 sena, meta eluf ta’ nies qegħdin imutu madwar id-dinja kollha, jitwaqqfu jew jiġu limitati l-fondi lill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa,” temm il-Professur.

Sadanittant, il-fundatur tal-Microsoft, Bill Gates, ukoll ikkritika d-deċiżjoni ta’ Trump. Huwa għamel tweet fejn qal li l-pass ta’ Trump li jwaqqaf il-fondi lill-WHO waqt kriżi tas-saħħa fid-dinja, huwa perikoluż ferm. “Ix-xogħol tagħhom (WHO) huwa li jnaqqsu u jikkontrollaw it-tixrid tal-Covid-19 u jekk dan ix-xogħol jieqaf, ebda organizzazzjoni oħra m’hi se tieħu posthom,” wissa Gates.

Ekonomija

Sport