Tuesday, April 8, 2025

‘Permezz tal-atletika, titgħallem li jekk verament trid xi ħaġa f’ħajtek, trid taħdem għaliha’ – Roderick Cilia

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif għażilt l-atletika fost minjiera ta’ sport ieħor?

L-atletika huwa sport li minn dejjem kien ġo qalbi, għalkemm ta’ etá żgħira kont nipprattika iktar il-futbol għaliex ħafna mill-ħbieb tiegħi kienu jilagħbu l-futbol, minn dejjem kelli x-xewqa li nipprattika l-atletika fuq bażi regolari. Il-ħsieb li nieħu l-atletika iktar bis-serjetá kien ġie wara li kont għamilt żmien twil mhux ħazin wieqaf minn kull sport u kull attivitá fiżika. Dan għaliex wara logħba futbol kont ġarrabt injury serja firkoppti – dik tal-ACL u apparti li kelli nopera rkoppti u ngħaddi minn żmien twil ta’ fiżjoterapija, ftit taż-żmien wara kont ġarrabt it-telfa tal-għażiża ommi li kompliet tgħamilli ħajti iktar għat-telgħa.

Kien hawnhekk li ħassejt il-bżonn li nerġa’ nikseb ħajti lura u permezz tal-atletika sibt is-serenitá u s-sostenn meħtieġ sabiex inkompli b’ħajti. Iddeċidejt li nieħu l-atletika b’iktar serjetá u kien hawnhekk li qbadt nitħarreġ b’mod iktar intensiv permezz ta’ programm speċjalizzat.

Ta’ kemm bdejt tipprattika l-atletika?

Bdejt nipprattika l-atletika fuq bażi regolari fl-etá ta’ 27 sena. Għall-bidu kont nitħarreġ waħdi fuq distanzi pjuttost qosra, iżda iktar ma bdejt nieħu kunfidenza u nitgħallem fuq dan l-isport, iktar saru jogħġbuni distanzi itwal.

X’ħeġġek l-iktar biex tibda tipprattika dan l-isport?

Hekk kif irnexxieli nikseb daqsxejn iktar kunfidenza fl-atletika u bdejt nara riżultati pożittivi, iddeċidejt li nagħmel l-ewwel tellieqa tiegħi li kienet f’Jannar tas-sena 2020 fuq id-distanza ta’ 10 kilometri.  Il-ferħ u l-emozzjonijiet li ħassejt dakinhar kienu xi ħaġa indeskrivibbli. Kien hawnhekk li ħadt deċiżjoni li dan huwa l-isport li rrid niddedika ħajti għalih, sakemm Alla jagħtini s-saħħa.

Minn dakinhar qatt ma ħarist lura, komplejt nitħarreġ u ntella’ dejjem id-distanza u f’April tal-istess sena għamilt in-Nofs Maratona ta’ Malta.

Min kien dak il-persuna li ispirak biex tagħżel l-atletika?

Kburi ngħid li kien Andrew Grech – ikona tal-isport tal-atletika ġewwa pajjiżna li ispirani l-iktar sabiex nagħżel l-atletika. Minn dejjem kont nammira l-passjoni u d-determinazzjoni li għandu Andrew lejn dan l-isport. Huwa rnexxielu jikseb suċċessi kbar għal diversi snin fl-atletika Maltija.  Il-fatt li jiena u Andrew kollegi fuq il-post tax-xogħol għaliex niffurmaw parti mill-Korp tal-Pulizija, kienet ta’ għajnuna kbira għalija għaliex stajna naqsmu l-ħsibijiet tagħna fuq bażi regolari u kelli x-xorti nitgħallem ħafna mingħandu.

Liema unuri prinċipali irnexxielek tikseb fil-karriera tiegħek?

Din is-sena nista’ ngħid li ksibt l-ikbar unur prinċipali li għandi għal qalbi kemm ilni nipprattika l-atletika. Dan għaliex irnexxieli nikklassifika bħala t-tielet Malti fil-Maratona ta’ Malta li saret fi Frar li għadda. Unuri prinċipali oħrajn li għandi għal qalbi huma meta fl-2022 u fl-2023 ikklasifikajt fit-tieni post overall u fl-2024 fl-ewwel post overall konsekuttivi fit-Tigrija t’Għawdex fuq id-distanza tal-10 kilometri.
Unuri prinċipali oħrajn li għandi għal qalbi huma meta rbaħt ħames midalji fl-edizzjoni tal-World Company and Sports Games li saru ġewwa Catania fi Sqallija fl-2024.

Unuri prinċipali oħrajn li ksibt kollettivament bħala klabb kien is-sena l-oħra meta kklassifikajna bħala l-ewwel tim fin-Nofs Maratona ta’ Malta ma’ Evolve Endurance Club u din is-sena 2025 ma’ Zurrieq Wolves AC fejn ikklassifikajna fit-tielet post overall fir-‘Road Running League’ li jiġi organizzat minn Athletics Malta.

Liema kien l-aħjar riżultat tiegħek sa issa?

Is-sena 2025 kienet sena importanti ħafna għalija għaliex din is-sena għamilt id-debutt tiegħi fil-Maratona (42,195km) … distanza li minn dejjem kienet il-ħolma tiegħi li nagħmel. Il-ħin tiegħi fil-Maratona kien dak ta’ 2:38:06.
L-aqwa ħinijiet tiegħi li għandi fuq id-distanzi l-oħra huma ta’ 1:14:24 fin-Nofs Maratona (2024), 33:43 fid-distanza ta’ 10Km (2025) u 16:03 fid-distanza ta’ 5Km (2024).

Il-media tagħtikom biżżejjed pubbliċitá u exposure, jew dan isir waqt kompetizzjonijiet importanti bħal mhuma l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar?

Nemmen li l-media f’dawn l-aħħar snin qed tagħti iktar importanza lill-atletika meta tikkumpara ma’ snin preċedenti u għalkemm nemmen li dejjem ikun hemm iktar x’jista’ jsir, qed tagħti exposure tajjeb lill-atleti Maltin sabiex ikomplu jkabbru l-ħiliet tagħhom u jagħmlu iktar suċċessi kemm f’avvenimenti lokali u anke internazzjonali.

Għandek xi ħolma li tixtieq tikseb fl-atletika?

Nemmen li kull atleta li jipprattika dan l-isport, l-ikbar ambizzjoni tiegħu tkun dejjem dik li jkompli jtejjeb fuq il-ħinijiet preċedenti tiegħu.  Din is-sena wara li hadt ftit toghma ta’ x’toffri l-Maratona, nixtieq li nintensifika iktar it-tahrig tieghi fuq din id-distanza ghaliex illum iktar minn qatt qabel nemmen li l-Maratona hija l-iktar avveniment li taspirani fl-atletika.

X’sagrifiċċji / commitments jitlob l-isport li int tipprattika?

L-isport tal-atletika bħal kull sport ieħor jitlob diversi sagrifiċċji li wieħed irid jagħmel sabiex jibqa’ kompetittiv.  Se jiġu mumenti fejn mhux dejjem ikollok aptit tittrenja speċjalment fi ġranet li jkunu b’ħafna kesħa jew bix-xita.  Jiġuni mumenti li minħabba raġunijiet ta’ xogħol, ikolli noħroġ nittrenja f’ħinijiet bikrin ħafna, fejn il-maġġoranza tan-nies ikunu għadhom reqdin. Wieħed irid jara wkoll li jżomm dieta tajba u bilanċjata. Dan sabiex jirriplejsja dak li jkun tilef f’sessjonijiet daqsxejn intensivi.  Dawn huma kollha sagrifiċċji li kull atleta jrid ikun lest li jagħmel, iżda persważ li dawn is-sagrificcji jissarfu f’sodisfazzjonijiet kbar meta atleta ta’ kull livell jikseb il-hin mixtieq f’xi avveniment importanti.

Għalkemm l-atleti li tikkompeti magħhom huma wkoll ħbieb tiegħek, ninsab persważ li jidħol ukoll ċertu sens ta’ kompetizzjoni fejn wiehed ikun irid jikseb ħin aħjar mill-ieħor. Il-kummenti tiegħek…

Il-kompetizzjoni sportiva tista’ sservi ta’ benefiċċju kbir għal kull atleta meta tibqa’ waħda sportiva. F’ċerti sessjonijiet li jinvolvu intensitá, il-kompetizzjoni sportiva iggieġhlek tippuxxja iktar il-limitazzjonijiet tiegħek, fejn bosta drabi meta tidħol ħafna għejja, il-moħħ jibda jgħidlek li se tieqaf, iżda fiżikament tkun ħafna iktar b’saħħtek.  Permezz tal-għajnuna tal-atleti sħabek stess u s-sens ta’ kompetittivitá tagħti l-ħiliet kollha tiegħek u r-riżultati mixtieqa jkunu ferm aħjar.

X’kompetizzjonijiet prinċipali se tkun qed tieħu sehem fihom fil-futur qarib?

Bħalissa qed niffoka l-iktar li nirkupra fiżikament u nnaqqas mill-kilometraġġ għaliex ġej minn staġun intensiv fejn fih għamilt ħafna tlielaq viċin xulxin. Jekk Alla jrid fl-istaġun li ġej, nixtieq li nerġa’ nikkompeti fid-distanza l-kbira – dik tal-Maratona. Hekk kif kelli l-opportunitá li nieħu sehem f’diversi Nofs Maratoni barra minn xtutna bħall-Ġermanja, l-Italja u l-Greċja, issa nixtieq li jkolli wkoll l-opportunitá li nersperjenza l-Maratona l-Kbira barra minn Malta.

Għaddi messaġġ finali lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qegħdin jahsbuha bis-serjetá li jibdew jipprattikaw l-atletika.

Jien il-messaġġ li se nagħti lit-tfal jew żgħażagħ u anke adulti fuq l-isport, speċjalment dak fejn jidħol l-atletika zgur se jkun wiehed ta’ pożittivitá li kapaci jibdel ħajjet kull individwu. Dan għaliex apparti l-benefiċċji kollha li jġib miegħu dan l-isport, kemm fiżikament kif ukoll mentalment, iġiegħlek tħares lejn il-ħajja minn perspettiva differenti.

Permezz tal-atletika, titgħallem li jekk verament trid xi ħaġa f’ħajtek, trid taħdem għaliha, ghaliex xejn ma jiġi mix-xejn. Is-sodisfazzjon li jkollok meta taħsad dak li tkun ħdimt għalih matul is-sena huwa wieħed indeskrivibbli. Jien nista’ ngħid li permezz tal-atletika sibt familja oħra, familja li flimkien naqsmu l-istess passjoni!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport