Saturday, December 21, 2024

Persentaġġ baxx jirrappurtaw periklu minkejja li l-maġġoranza konxja dwar żieda fl-inċidenti

Ippubblikat stħarriġ tal-fehma pubblika dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-maġġoranza tal-pubbliku inġenerali, proprju madwar 93 fil-mija, jemmnu li importanti li fil-post fejn jaħdmu jkunu qed jittieħdu l-miżuri kollha dwar is-saħħa u s-sigurtà. Ftit aktar minn hekk, proprju 96 fil-mija jemmnu li importanti ħafna li  meta jqabbdu lil xi ħadd biex jagħmlilhom xi xogħol, dan ikun qiegħed jieħu l-miżuri kollha ta’ saħħa u sigurtà. Minkejja li madwar 82 fil-mija qalu li jemmnu li l-inċidenti komplew jiżdiedu, kienu biss 21 fil-mija li stqarru li ġieli ħassew il-bżonn li jirrappurtaw każi ta’ periklu.

Dan kollu rriżulta minn stħarriġ tal-fehma pubblika dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ikkummissjonat mill-Ministeru għax-Xogħlijiet u l-Ippjanar, li sar bejn l-4 u t-12 ta’ Ottubru ta’ din is-sena, bil-parteċipazzjoni ta’ 651 persuna li aċċettaw li jkomplu l-istħarriġ kollu. Ir-riżultati ta’ dan l-istħarriġ tħabbru waqt laqgħa tal-MCESD li saret ilbieraħ u li kienet imsejħa mill-General Workers’ Union dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

Skont l-istatistika tal-parteċipanti, kien hemm 4.1 fil-mija li qalu li jaħdmu mid-dar, 7.1 fil-mija li qalu li jaħdmu barra d-dar imma f’postijiet differenti (bħalma huma bennejja, delivery persons u kuntratturi),  kważi 9 fil-mija qalu li jaħdmu fuq barra imma f’post fiss (bħalma huma uffiċjali tas-sigurtà) u kważi 37 fil-mija qalu li jaħdmu fuq ġewwa f’uffiċini u fi skejjel fost l-oħrajn. Ftit aktar minn 43 fil-mija ta’ dawk intervistati qalu li jew ma jaħdmux jew li huma pensonanti.

Fuq nota pożittiva, il-maġġoranza tal-parteċipanti qalu li għalihom huwa importanti ħafna li s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol tkun imħarsa kemm għalihom kif ukoll meta jqabbdu lil xi ħadd biex jaħdmilhom. Madanakollu huwa daqsxejn tat-tħassib il-fatt li minkejja li għandek madwar 82 fil-mija li jemmnu li żdiedu l-inċidenti, kien hemm 76 fil-mija li wieġbu li qatt ma ħassew il-bżonn li jirrappurtaw periklu u 3 fil-mija li qalu li ma jaslux jirrappurtaw.

Minħabba żieda sostanzjali fl-inċidenti f’siti ta’ kostruzzjoni, dawk intervistati ġew mistoqsijin dwar x’inhi l-aktar ħaġa li ddejjaqhom f’dawn is-siti. 33 fil-mija tal-parteċipanti qalu li huwa proprju l-periklu għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema li hija l-aktar ħaġa li ddejjaqhom. Wara dan, b’aktar minn 29 fil-mija qalu li jdejquhom it-trabijiet u l-ħsejjes, 15 fil-mija qalu li ddejjaqhom il-ħsara fil-proprjetà ta’ ħaddieħor. 7.5 fil-mija qalu li jdejjaqhom ix-xogħol li jibda kmieni wisq fil-ġurnata, li jibqa’ għaddej ix-xogħol wara nofsinhar jew sa tard filgħaxija, 7.5 fil-mija qalu li jdejjaqhom l-impatt fuq it-traffiku u l-immaniġġjar tat-traffiku qrib is-siti tal-kostruzzjoni u 3 fil-mija li rrimarkaw li jdejjaqhom l-impatt fuq is-saħħa u s-sigurtà ta’ terzi persuni.

Mistoqsijin dwar min jaħsbu li huwa responsabbli mis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol kien hemm 59 fil-mija li wieġbu li r-responsabbiltà hija waħda kollettiva. Il-bqija tal-parteċipanti kellhom opinjonijiet varji fejn kellek 28 fil-mija li jemmnu li min iħaddem huwa responsabbli għas-saħħa u s-sigurtà tal-impjegati tiegħu, kważi 9 fil-mija qalu li l-ħaddiem innifsu huwa responsabbli, filwaqt li 3.6 fil-mija stqarrew li l-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA hija responsabbli minn dan.

Mitluba speċifikament dwar ir-responsabbiltà f’siti tal-kostruzzjoni, aktar minn 61 fil-mija tal-parteċipanti qalu li kemm l-Iżviluppatur kif ukoll il-klijent li jkun ordna x-xogħol, l-OHSA, il-ħaddiem innifsu, il-project supervisor u il-kuntrattur huma lkoll responsabbli mis-saħħa u s-sigurtà. 14.3 fil-mija tal-parteċipanti qalu li l-Kuntrattur huwa responsabbili.

Il-parteċipanti ġew mistoqsija dwar l-aħjar mod biex titjieb is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u fost diversi opinjonijiet, 56 fil-mija saħqu dwar il-ħtieġa ta’ aktar edukazzjoni u taħriġ għall-ħaddiema u pieni aktar ħorox għal min ikun qed jikser il-liġi f’dan ir-rigward. Aktar minn 22 fil-mija qablu mal-irtirar tal-permess jew liċenzja ta’ dawk involuti, 9.4 fil-mija esprimew il-bżonn li l-OHSA jkollha aktar riżorsi filwaqt li 7.2 fil-mija semmew il-ħtieġa li jsiru kampanji ta’ edukazzjon pubblika.

L-istħarriġ kien maħsub li jagħti stampa aħjar ta’ kif iċ-ċittadin iħares lejn l-OHSA. Minn fost il-parteċipanti kien hemm aktar minn  88 fil-mija li wieġbu li qatt ma kellhom kuntatt filwaqt li ftit iktar minn 11 fil-mija wieġbu li ġieli kellhom kuntatt jew użaw is-servizzi tal-OHSA.

Ekonomija

Sport