Friday, December 3, 2021

Persuna waħda qed tingħata l-għajnuna biex toħroġ miċ-ċirku tal-prostituzzjoni

Aqra wkoll

Fil-preżent hemm persuna waħda li qed tingħata l-għajnuna f’pajjiżna biex toħroġ miċ-ċirku tal-prostituzzjoni.

Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament mill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari li saritlu mid-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg.

Il-Ministru qal li l-għan ta’ dan is-servizz, ‘Sex Work Support Programme’,  huwa li persuni li jaħdmu fl-industrija tas-sess jiġu mgħejjuna b’mod ħolistiku, inkluż billi jsir assessment professjonali, dwar il-ħtiġijiet tal-klijent u minn hemm jitfassal pjan ta’ għajnuna u appoġġ għal kull persuna b’mod individwali.

Din l-għajnuna tinkludi counselling, għajnuna dwar akkomodazzjoni, ibbaġitjar, is-saħħa fiżika u mentali, kif ukoll ħiliet fit-trobbija tat-tfal f’każ li l-persuna tkun ġenitur. Il-ħtiġijiet ta’ kull persuna jvarjaw skont is-sitwazzjoni u l-ħiliet partikolari tagħha.

Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru qal li jekk il-persuna tkun tixtieq toħroġ minn dan ix-xogħol, hi jew hu se jiġu megħjjuna biex hija ssib impjieg differenti, kif ukoll jekk ikun hemm sfruttament u/jew vjolenza ta’  kwalunkwe tip, il-professjonisti tagħna se jgħinu lill-persuna kkonċernata f’dan ir-rigward anki billi jaħdmu id f’id mal-pulizija.

Il-ħaddiema impjegati f’dan is-servizz qed jagħmlu wkoll ħafna riċerka fir-rigward tal-mudelli ta’ għajnuna li jiġu offruti lill-ħaddiema fl-industrija tas-sess u jattendu diversi webinars u seminars li jiġu organizzati minn esperti f’dan il-qasam.

Sport