Friday, June 21, 2024

“Persuni b’kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali jista’ jkollhom impjieg fuq il-post tax-xogħol”

- Il-Ministru Julia Farrugia Portelli

Aqra wkoll

Persuni b’kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali jista’ jkollhom impjieg u jkunu inklużi fuq il-post tax-xogħol. Dan enfasizzatu l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli waqt konferenza mtella’ mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità b’kollaborazzjoni mar-Richmond Foundation.

Xhieda ta’ dan hija l-esperjenza ta’ David Spiteri Gingell, konsulent, li għandu dijanjożi tal-bipolar u li qasam l-esperjenza tiegħu waqt din il-konferenza. “F’karriera ta’ aktar minn 40 sena, l-esperjenzi tiegħi b’din il-kundizzjoni fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll l-azzjonijiet tal-kollegi u l-kapijiet tiegħi, influwenzaw bis-sħiħ l-approċċ tiegħi lejn is-saħħa u l-benesseri mentali.

Dawn saru prijorità ewlenija f’ħajti,” temm jgħid is-sur Spiteri Gingell. Waqt il-konferenza, huwa tkellem dwar il-vjaġġ professjonali tiegħu filwaqt li qasam ma’ dawk preżenti numru ta’ ideat prattiċi kif wieħed jista’ jiġġestixxi s-saħħa mentali kemm b’mod personali kif ukoll fuq il-post tax-xogħol.

Min-naħa tagħha, il-Kummissarju tas-CRPD Rhoda Garland, fissret kif persuni b’kundizzjonjiet ta’ saħħa mentali huma inklużi fil-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UNCRPD), li issa ġiet trasposta b’mod sħiħ fil-liġi Maltija.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli fissret kif il-Gvern mhux biss qiegħed jikkontribwixxi billi joħloq ambjent ta’ sostenn imma bħala entità li hija stess tħaddem eluf ta’ impjegati, tħaddan ukoll sistemi ta’ best practices.

“It-telework, il-flexitime u prattiċi oħrajn bħall-Employee Support Programme joffru sostenn lil dawk l-impjegati li jkunu għaddejjin minn żminijiet diffiċli. Iżda l-inklużjoni ta’ persuni li jkunu għaddejjin minn problemi ta’ saħħa mentali ma tibdiex u ma tispiċċax mas-servizz pubbliku, iżda huwa element b’saħħtu wkoll fis-settur privat. Inħares ’il quddiem li lkoll kemm aħna nisimgħu b’aktar stejjer ta’ suċċess bħal tas-sur Gingell, filwaqt li nawgura li aktar konferenzi ta’ din in-natura jkomplu jsiru biex tkompli tonqos l-istigma,” temmet tgħid il-Ministru.

Saret ukoll diskussjoni mmexxija min-numru ta’ professjonisti li tkellmu fuq kif min iħaddem jista’ joffri sostenn lill-persuni b’kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol biex b’hekk ikunu nklużi huma wkoll fl-organizzazzjoni. Huma ffukaw fuq kwistjonijiet bħal li titrawwem kultura ta’ sigurtà psikoloġika, dwar id-diżabilitajiet viżibbli u inviżibbli u li tinħoloq attitudni ta’ apprezzament u aċċettazzjoni minflok ta’ stigma.

Il-Kap Eżekuttiv tar-Richmond Foundation Daniela Calleja Bitar tkellmet dwar kif is-saħħa mentali qiegħda tinbidel, b’mod speċjali fuq il-post tax-xogħol. Hija qalet li apparti minn post tax-xogħol aktar kuntent u produttiv, li wieħed jieħu ħsieb is-saħħa mentali tal-impjegati tiegħu tissarraf f’riżultati ekonomiċi aħjar.

“Saru ħafna passi ’l quddiem minn min iħaddem fejn jidħlu żidiet fil-benefiċċji u l-implementazzjoni ta’ programmi ta’ sostenn, madankollu bir-rieda ġenwina ta’ kulħadd nistgħu naslu ferm aktar,” temmet tgħid is-sinjura Bitar.

Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll il-Kummissarju għall-Promozzjoni tad-Drittijiet ta’ Persuni bi sfidi mentali, Dr. Denis Vella Baldacchino.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport