Saturday, December 21, 2024

Persuni deħlin minn żoni ħomor skuri b’obbligu ta’ kwarantina f’lukanda

Tuneżina residenti f’Malta mlaqqma u b’test negattiv titlob biex minflok tagħmilha d-dar

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Tuneżina residenti f’Malta għal dawn l-aħħar 16-il sena b’żewġt itfal, tinsab kwarantina f’lukanda wara li żaret lill-ġenituri lura f’pajjiżha. Minkejja li hija mlaqqma, għaddiet id-dokumenti meħtieġa u pproduċiet PCR test negattiv 72 siegħa qabel ma rritornat f’pajjiżna, din l-omm tinsab iddisprata minħabba li ma tħallietx tagħmel l-14-il jum kwarantina fid-dar tagħha.

Dan is-sit irrefera dan il-każ lill-Ministeru tas-Saħħa fejn jingħad li ta’ kuljum jidħlulhom ilmenti ta’ dan it-tip. Il-klassifikazzjoni tal-pajjiżi f’riskju minħabba l-pandemija globali tal-Covid-19 issir bħala miżura ta’ prekawzjoni kontra l-imxija tal-Covid-19 bil-għan tkun imħarsa saħħet il-poplu.

Il-kelliema għal dan il-Ministeru qaltilna li, “Tuneż huwa wieħed mill-pajjiżi fiż-żona ħamra skura (dark red zone), jiġifieri l-grad ta’ riskju minn dan il-pajjiż huwa akbar minn ta’ pajjiżi fiż-żona l-ħamra. Kull min jiġi minn pajjiż fiż-żona l-ħamra skura, huwa obbligat jagħmel kwarantina ta’ 14-il ġurnata fil-lukanda awtorizzata mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika”.

“Sifirt għax kont ili ma narahom…”

L-omm li tinsab fuq il-benefiċċji soċjali hija mdejqa ma tagħmel xejn magħluqa f’kamra ‘l bogħod minn uliedha. Hija qaltilna li qabel telqet lejn Tuneż ċemplet diversi drabi fuq il-111 biex tikkonferma li l-kwarantina tista’ tagħmilha fid-dar tagħha u sostniet li r-risposta li dejjem ingħatat kienet fl-affermattiv u dan minħabba li hija residenti f’Malta.

“Għamilt xahar f’pajjiżi u rritornajt fl-1 ta’ Awwissu. Ġara li meta wasalt fl-ajruport u staqsewni minn fejn ġejja, ġew l-uffiċjali fejn infurmawni li avolja jiena residenti, xorta waħda m’inix sejra d-dar. Talbuni nieħu paċenzja u nagħmel il-kwarantina a spejjeż tiegħi f’lukanda,” spjegat din il-mara.

Hija qalet li minkejja qabel telqet kienu qalulha li m’għandhiex għalfejn tapplika għall-ivvetjar, fl-20 ta’ Lulju meta kienet għadha fit-Tuneżija, hija bagħtet id-dokumenti kollha. Sostniet iżda, li minkejja hija għamlet l-affarijiet tagħha kollha u kif suppost, baqgħet ma ħarġitx l-approvazzjoni qabel ir-ritorn tagħha. Fil-fatt, kien proprju l-bieraħ li l-mara rċeviet email bħala risposta fejn ingħatat link biex timla’ d-dettalji meħtieġa. 

“Ċertifikat tat-tilqima għandi. Ma nistax nifhem… għax min-naħa l-oħra min għandu ċertifikat jista’ jmur party. Jien qatt ma kelli kuntatt ma’ xi ħadd pożittiv u dawk li għandhom ċertifikat u jkollhom kuntatt, għandhom biss sebat ijiem kwarantina u f’darhom. Kif min għandu kollox sew, qatt ma qabdu l-Covid-19 u għandu test negattiv qabel daħal Malta, jibagħtuh kwarantina f’lukanda u lil ħaddieħor le?” staqsiet din il-mara.

Fl-applikazzjoni tal-ivvetjar hija kienet talbet biex tagħmel il-kwarantina d-dar tagħha fejn kienet anke lesta tibgħat lil uliedha għand in-nanniet bħala prekawzjoni addizjonali.  Qalet li meta kienet imsiefra, qadet attenta ħafna  għax ommha u missierha jibżgħu. “Ħadna l-prekawzjonijiet kollha u ma tgħidx li mort xi party jew niżżabel. Sifirt għax kont ili ma narahom. Kont diġà ppjanajt x’se noqgħod nagħmel kwaratina waħdi d-dar… imma mhux spiċċajt f’kamra ta’ lukanda. Inħossni li se tagħtini rasi,” qalet imbikkma din it-Tuneżina.

Hija tinsab inkwetata wkoll minħabba ma tiflaħx tħallas għal-lukanda fejn sostniet li, “ma jistax ikun li għandna d-djar tagħna u jsakkruna f’lukanda ta’ ħames stilel. Jien żgur mhux se noħroġ mid-dar u jekk hemm bżonn jiċċekjawni ta’ spiss. Ma nħossx li hija ġusta. Trid tħalls €100 kuljum. F’Tuneż lit-turisti joffrulhom imorru kwarantina b’għażla bejn lukandi differenti li jibdew minn 40 u jitilgħu sa 200 Dinari. Almenu dak li jkun jista’ jagħżel skont kemm jiflaħ butu. Jien nemmen li s-sens komuni hekk jgħid”.

L-omm residenti Malta qalet li xebgħet magħluqa u tħossha mdejqa ħafna. Minflok hija tixtieq li qiegħda ġo darha u mhux missier it-tfal kellu jerfa’ r-responsabbiltà kollha tat-tfal għal żmien itwal milli kien previst bil-konsegwenza li tilef anke l-impjieg tiegħu. 

Hija temmet tgħid li tittama li tingħata widen u li persuni bħalha jkunu jistgħu jagħmlu l-kwarantina meħtieġa fid-djar tagħhom b’mod sigur għal kulħadd billi jekk hemm bżonn isiru kontrolli spissi ħalli ma tinkisirx l-ordni tal-kwarantina.

Ekonomija

Sport