Petr Cech se jħalli r-rwol tiegħu bħala konsulent tekniku ma’ Chelsea fl-aħħar tax-xahar.
L-ex goalkeeper tal-Blues ħa r-rwol fl-2019, u mmarka r-ritorn tiegħu fi Stamford Bridge.
Il-goalkeeper ta’ 40 sena qatta’ 11-il sena bħala player ta’ Chelsea, fejn rebaħ 13-il trofew, fosthom erba’ titli tal-Premier League u ċ-Champions League.
“Kien privileġġ kbir li nwettaq dan ir-rwol ma’ Chelsea għal dawn l-aħħar tliet snin,” huwa qal.
“Bil-club bi tmexxija ta’ sidien ġodda, inħoss li issa huwa ż-żmien it-tajjeb biex inwarrab.
“Ninsab kuntent li l-club issa jinsab f’pożizzjoni eċċellenti mas-sidien il-ġodda u ninsab kunfidenti fis-suċċess futur tiegħu kemm fil-ground kif ukoll barra minnu.”
Cech huwa l-aħħar persuna li ħalliet lil Chelsea wara li l-club ħa l-kontroll minn konsorzju mmexxi min-negozjant Amerikan Todd Boehly.
Bħal Cech, iċ-chairman Bruce Buck se jwarrab fit-30 ta’ Ġunju – u l-ġimgħa li għaddiet Chelsea kkonfermaw ukoll it-tluq tad-direttur Marina Granovskaia.