Friday, December 13, 2024

PINZELLATA BLU GĦALL-ĠENNA

Aqra wkoll

Il-poeta DH Lawrence għandu versi fejn jitkellem dwar xi ħadd:

“… li jibni kamra għalih

U jiżbogħ il-ħitan blu has-sema

U jsakkar il-bieb

U jgħid li qiegħed fil-ġenna.”

Nies bħalna li jgħixu fi gżejjer żgħar iridu joqogħdu attenti li ma jingħalqux fihom infushom u jaħsbu li huma maqtugħa mid-dinja u ma jintlaqtux minn dak li qed jiġri lil hinn minn xtutna. Aħna ilna sekli ma nkabbrux biżżejjed ikel ghalina. U aktar ma għadda ż-żmien aktar sirna nixtru kważi kollox minn barra. U allura dak li jiġri fil-bqija tad-dinja jolqotna daqslikieku qed jiġri fostna. Bħalissa qed nintlaqtu ħafna mill-gwerra fl-Ukrajna.

Qed nintlaqtu mhux biss għax għandna Maltin u Ukreni miżżewga flimkien u jgħixu fostna mal-familji tagħhom. Mhux biss għax għandna eluf ta’ familji Ukreni u qed iħossu l-uġiegħ kbir bit-tħarbit fil-ħajja ta’ miljuni ta’ Ukreni u bil-qtil u l-qerda li qed tikkaġuna l-gwerra imma wkoll għax l-effetti ekonomiċi tagħha qed inħossuhom f’kull qasam tal-ħajja.

Il-prezzijiet tal-ikel telgħin għax mill-24 ta’ Frar 2022 bdew l-iskarsezzi u ż-żidiet fil-prezzijiet meta l-President Russu Putin ordna l-invażjoni tal-Ukrajina. Ir-Russja u l-Ukrajina jipproduċu 30 fil-mija tal-qamħ. 20 fil-mija tal-qamħirrun. Sa 80 fil-mija taż-żejt magħmul miż-żerriegħa tal-ward tax-xemx. Il-flotta Russa mhix qed tħalli 94 vapur tal-merkanzija jġibu l-qmugħ mill-Ukrajina lejn il-Mediterran. Qed jogħla l-ikel għax qed jogħla l-ġwież, hawn l-iskarsezzi u l-ispejjeż tal-ġarr għolew ħafna għax għola l-fuel. In-Nazzjonijiet Magħquda qed tgħid li din hi l-agħar kriżi tal-ikel fid-dinja fl-aħħar 77 sena, mit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Importanti l-verita`

In-Nazzjonijiet Magħquda qed twissi li l-pajjiżi ġirien tagħna: tal-Afrika ta’ Fuq fil-Mediterran u fis-Sahel, taħt il-Libja, qed jintlaqtu ħafna. Jekk il-gwerra u l-effetti tagħha se jdumu, se jkun hemm pressjoni biex nies jiċċaqalqu mnejn qegħdin biex ifittxu x’jieklu.

Aħna qegħdin fid-dinja u nixtru kważi kollox minn barra u allura nintlaqtu wkoll minn dak li għaddej. M’hemmx fruntiera bejn dak li jiġri barra mill-gżejjer tagħna u dak li jiġri fil-gżejjer tagħna.

Ma nistgħux naffettwaw x’jiġri fil-bqija tad-dinja. Li nistgħu nagħmlu hu li l-gvern ikompli jaħdem biex itfaffi l-uġigħ li ġej minn barra u fejn bħas-soltu jintlaqtu l-iżjed dawk li jifilħu l-inqas.

Konna bdejna nieħdu r-ruħ li d-dinja bdiet ħierġa mill-pandemija li wkoll laqtet ħafna s-saħħa u l-għixien tad-dinja kollha. Bdiet ukoll tolqot biż-żieda fil-prezzijiet. Issa għandna din l-isfida kbira. Waqt li l-pandemija għadha ma għaddietx, tfaċċat il-gwerra tal-Ukrajina li wkoll irridu naraw kif se nilqgħu għall-effetti tagħha.

Importanti li ngħidu l-verita` liċ-ċittadini tagħna, li wara kollox illum diġa’ jistgħu jsegwu l-aħbarijiet minn barra u jgħidilhom fuq problemi u sfidi li qed jiffaċċjaw il-pajjizi kollha tad-dinja.

Żgur li ma nitwemmnux jekk naħbu r-realta` madwarna. Nitkellmu dwar il-problemi u l-isfidi mhux biex noqogħdu neqirdu jew biex naqtgħu qalb in-nies iżda biex ngħidu kif se negħelbuhom u kif se nħarsu l-familji u n-negozji. 

La nkunu serji u lanqas nitwemmnu jekk nitrattaw liċ-ċittadini tagħna bħal tfal żgħar u nitkellmu dwar ir-realtajiet bil-kliem tal-ħrejjef antiki li jispiċċaw bil-kliem “u għexu kuntenti u ħenjin għal dejjem.” Billi tingħalaq f’kamra bil-ħitan miżbugħa blu, xorta f’din id-dinja tibqa’.

La nkunu serji u lanqas nitwemmnu jekk nitrattaw liċ-ċittadini tagħna bħal tfal żgħar u nitkellmu dwar ir-realtajiet bil-kliem tal-ħrejjef antiki li jispiċċaw bil-kliem “u għexu kuntenti u ħenjin għal dejjem.”

Ekonomija

Sport