Tuesday, December 24, 2024

Pizzar Taljan mixli b’serq ta’ kartiera

Aqra wkoll

Taljan ta’ 44 sena li jaħdem bħala pizzar ġie mixli bis-serq ta’ kartiera u ittri f’dak li l-Pulizija tissuspetta li kien tentattiv li jisraq ‘cards’ tal-banek.

Christian Cuccu, li twieled Sardinja u jgħix Pembroke, kien akkużat li fit-30 ta’ Marzu li għadda seraq ittri mill-kaxxa postali ta’  Norma Camilleri u Marcelline Sullivan li jgħixu San Ġiljan.

Huwa kien mixli wkoll li fid-9 ta’ April seraq kartiera b’mhux aktar minn €200 fi flus minn dar fi Gwardamangia b’dannu għal Kenneth William Donaldson kif ukoll li ipprova jiġbed flus b’dannu għall-istess Donaldson u l-BOV.

Cuccu wieġeb li mhux ħati ta’ dawn l-akkużi miġjubin kontrih mill-Ispettur Leeroy Balzan Engerer u permezz tal-Avukat Mark Mifsud Cutajar talab għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Maġistrat Ian Farrugia laqagħlu t-talba taħt diversi kundizzjonijiet fosthom garanzija personali ta’ €5,000 u li jista’ joħroġ biss mid-dar bejn it-8.00 a.m. u s-1.00 p.m. biex ikun jista’ jmur għall-methadone minħabba l-problema tad-droga u biex jiffirma kuljum fl-għassa ta’ San Ġiljan.

Iż-żewġ rapporti saru lill-Pulizija permezz tar-‘remote reporting’ li din nediet biex tnaqqas il-bżonn li persuna tmur l-għassa tagħmel rapport.

Ekonomija

Sport