Saturday, December 21, 2024

“Pjan ta’ kontinġenza huwa essenzjali f’każ ta’ No-Deal Brexit”

Aqra wkoll

Waqt il-Kunsill dwar l-Affarijiet Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-Lussemburgu, ġew diskussi n-negozjati li għaddejjin dwar il-ftehim bejn l-UE u r-Renju Unit. Għalkemm il-Kummissjoni Ewropea esprimiet li se tkompli taħdem biex jintlaħaq ftehim, dan iż-żmien ta’ tranżizzjoni li se jagħlaq din is-sena għadu ma wassalx għal ftehim u b’hekk ġew diskussi ż-żewġ xenarji f’każ li jintlaħaq jew ma jintlaħaqx ftehim. Filwaqt li awgura li jintlaħaq ftehim fil-ħin, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq dwar il-bżonn ta’ pjan konkret ta’ kontinġenza li jaħseb f’kull eventwalità. 

Il-Kunsill iddiskuta wkoll ir-Rapport Annwali dwar is-Saltna tad-Dritt, b’Dr Zrinzo Azzopardi jesprimi l-appoġġ ta’ Malta għall-mekkaniżmu tas-saltna tad-dritt. F’dan il-kuntest, elenka numru ta’ riformi istituzzjonali storiċi li wettaq il-Gvern Malti biex isaħħaħ is-saltna tad-dritt f’pajjiżna fosthom it-tibdil fil-ħatriet tal-President tar-Repubblika, tal-Avukat Ġenerali u tal-Kummissarju tal-Pulizija. Huwa faħħar id-djalogu kostruttiv bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-membri stati bħala parti minn dan il-proċess. Dan kien l-ewwel rapport, u d-djalogu mistenni jkompli.

Il-Kunsill tratta wkoll l-aħħar żviluppi b’rabta mal-pandemija COVID-19, bil-Presidenza Ġermaniża mistennija tkompli taħdem fuq il-miżuri ta’ koordinament bejn l-istati membri.

Il-Kunsill dwar l-Affarijiet Ġenerali ħejja wkoll l-aħħar preparamenti għall-Kunsill Ewropew li se jsir aktar tard din il-ġimgħa u li mistenni jiddiskuti t-tibdil fil-klima, koordinazzjoni fil-ġlieda kontra l-imxija tal-COVID-19, in-negozjati b’rabta mal-ftehim kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit u r-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Afrika.

Ekonomija

Sport