Friday, May 3, 2024

Pjanijiet biex l-aqwa kampjonati madwar l-Ewropa jilagħbu fl-All-Stars

Aqra wkoll

Teżisti possibbiltá li mill-istaġun li ġej jiġi organizzat tournament bejn l-All-Stars tal-aqwa kampjonati madwar l-Ewropa, jiġifieri, l-Premier League, is-Serie A, il-Bundesliga, La Liga u Ligue 1.

L-idea ta’ dan it-tournament nibtet wara li l-sid il-ġdid ta’ Chelsea, l-Amerikan Todd Boehly, kien sostna li fi tmiem l-istaġun għandha ssir partita bejn l-All-Stars tat-timijiet tat-tramuntana fl-Ingilterra kontra dawk tan-nofs in-nhar. 

Peró din l-idea tiegħu kienet ġiet ikkritikata bl-aħrax fejn bosta kienu dawk li sostnew li din il-logħba qatt ma tista’ ssir minħabba l-konġestjoni tal-kalendarju tal-istaġun. 

Madankollu, il-pjanijiet tiegħu reċentement ġew diskussi mill-eżekuttivi tal-clubs, bil-proposta li jiġu organizzati logħbiet bejn Premier League XI u timijiet All-Star minn La Liga, Serie A, il-Bundesliga u Ligue 1 turi li hija l-aktar popolari u li tista’ sseħħ.

Wieħed mill-benefiċċji tal-logħbiet, minbarra d-dħul immedjat bl-organizzazzjoni u x-xandiriet ta’ dawn il-logħbiet, ikunu vetrina biex ikomplu jespandu s-swieq madwar id-dinja.

Ġie ssuġġerit li l-logħba tista’ tiġi ospitata fl-Ewropa, jew xi mkien ieħor madwar id-dinja, matul ix-xhur tas-sajf, jew waqt il-waqfa tax-xitwa.

Din l-idea ntgħoġbot ħafna u x’aktarx li se titwettaq bħala wieħed minn diversi suġġe­rimenti ta’ modi ġodda biex ikomplu jikbru l-udjenzi u jitjiebu d-drittijiet tat-televiżjoni barranin.

Iż-żieda tas-sjieda Amerikana fil-Premier League, b’nofs il-clubs tal-ogħla diviżjoni issa għandhom xi forma ta’ investiment mill-Istati Uniti, hija meqjusa bħala l-moħħ ewlieni wara d-diskussjonijiet riċenti.

Bosta mill-akbar kampjonati fl-Istati Uniti, inklużi l-NBA, l-MLB u l-MLS, jorganizzaw logħbiet ta’ All-Stars fit-tentattiv li jiġbdu udjenzi kbar li jħallu introjtu qawwi. 

Qed jingħad li ħafna mill-investituri Amerikani fil-Premier League “iħossu li logħba All-Stars żżid mal-valur tal-logħba Ingliża mingħajr ebda żvantaġġ u tista’ tittella’ mingħajr ma tnaqqas mill-Community Shield”.

“Fl-aħħar mill-aħħar, nispera li l-Premier League jieħu ftit lezzjoni mill-isport Amerikan,” qal Boehly, li għandu wkoll ishma fit-timijiet tal-MLB Los Angeles Dodgers u LA Lakers fl-NBA.

“In-nies qed jitkellmu dwar aktar flus għall-piramida – fil-logħba All-Stars MLB din is-sena għamilna $200 miljun (£ 181 miljun).”

Il-manager ta’ Liverpool Jurgen Klopp, huwa wieħed mill-kritiċi tal-konġestjoni tal-kalendarju tal-football u kien minn tal-ewwel li esprima l-ħsibijiet opposti tiegħu għall-proposti ta’ Boehly.

“Meta jsib data għal dan, jista’ jċempelli,” qal Klopp, filwaqt li rreaġixxa b’mod negattiv għall-idea ta’ logħba bejn it-tramuntana u n-nofsinhar fil-Premier League.

“Fl-isport Amerikan, dawn il-plejers għandhom waqfa ta’ erba’ xhur. Dan messu wkoll iġib lil Harlem Globetrotters ukoll.

Wieħed irid jara jekk il-Premier League huwiex se jilqa’ dawn il-pjanijiet u jekk il-kampjonati barranin humiex se jappoġġjawhom.

Iżda jekk dawn il-logħbiet se jħalli qliegħ ta’ miljuni ta’ liri, bla dubju, kulħadd se juri l-appoġġ tiegħu … 

Sport