Saturday, December 21, 2024

Pjattaforma li tiġġieled il-korruzzjoni u ttejjeb ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna fl-isport

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Nemmnu li l-isport għandu diversi valuri u rridu nassiguraw li niġġieldu kull tip jew forma ta’ korruzzjoni”. Iddikjara dan il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima hekk kif kompliet id-diskussjoni b’rabta mal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Governanza Sportiva u l-Integrità fl-Isport għall-formazzjoni ta’ pjattaformi u entitajiet fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-isport u favur l-integrità fl-isport.

Il-Ministru Grima qal li jeħtieġ li l-Awtorità Maltija jkollha reputazzjoni tajba mhux biss nazzjonali iżda anke fuq livell internazzjonali. Huwa spjega dwar kif dan jidher ċar mix-xogħol li sar mal-kontroparti Awstraljana li fuq livell mondjali hija meqjusa minn ta’ quddiem nett għal sports nadif.

Il-Ministru spjega li din il-pjattaforma se jkollha informazzjoni sensittiva għax jista’ jkun li kollegi internazzjonali minn pjattaformi diġà eżistenti li jistgħu jiġbdu l-attenzjoni dwar numri partikolari marbutin ma’ mħatri fuq partita partikolari li ma jkunux jagħmlu sens.

“Ejja ngħidu fid-dinja sportiva xejn mhuwa impossibbli imma jkun diffiċli ħafna jintlaħaq dak ir-riżultat u mal-ewwel daqqa t’għajn ma jkunx jagħmel sens li jkollok ammonti enormi ta’ flus li jiġu milgħuba fuq riżultat daqstant remot li jista’ jinkiseb”, kompla biex jispjega l-Ministru Grima filwaqt li sostna li għalkemm se tkun pjattaforma li se tiġbor l-informazzjoni u tgħin lill-awtoritajiet fl-investigazzjoni tagħhom, iżda ċċara li mhijiex waħda investigattiva.

Dwar il-kompożizzjoni tal-pjattaforma, il-Ministru Grima qal li se jkollha:

  • Rappreżentant nominat mill-Ministeru tal-isport 
  • Rappreżentant nominat min-naħa tal-Ministeru responsabbli mill-Intern  
  • Żewġ rappreżentati nominati mill-Awtorità Maltija għall-Governanza fl-Isports li jridu jkunu minn tal-inqas fi grad ta’ Direttur
  • Rappreżentat tal-Korp tal-Pulizija
  • Rappreżentant tal-Malta Gaming Authority
  • Rappreżentat tal-Kumitat Olimpiku Malti u 
  • Rappreżentant tal-Malta Football Association

Il-Ministru Grima qal li din il-pjattaforma jrid ikollha l-poteri u l-obbligazzjonijiet li tiġbor u tagħmel analiżi li tħares lejn dawk li jistgħu jkunu attentat jew suspettat tbagħbis ta’ riżultati u anke tħares lejn dak li jsir fuq livell nazzjonali u internazzjonali biex inġibu lejn pajjiżna l-aqwa prattiċi.

Il-Ministru qal li jista’ jkollok pattern ta’ azzjonijiet li jogħkru għajn il-pjattaforma Maltija u din taqsam dawn il-ħsibijiet mal-kollegi kontroparti internazzjonali tagħha. B’hekk l-awtorità tista’ tkun ta’ assistenza għall-pulizija u għalkemm pajjiżna diġà għandu liġijiet speċifiċi li jiġġieldu l-korruzzjoni, din hija tarġa oħra li se tara li pajjiżna jimxi b’pass aktar mgħaġġel minn pajjiżi oħra biex fattwalment nimplimentaw l-obbligi tal-konvenzjoni Macolin.

“Kburi li b’serjetà kbira ngħid li fl-irwol tiegħi ta’ amministratur, meta kelli informazzjoni dwar korruzzjoni fl-isports mort irrapurtajt jiena personalment u hawnhekk b’mod unanimu konna dibattejna emendi li jagħtu aktar għodda lill-awtoritajiet tagħna f’dik li hija l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-isport”, tenna l-Ministru Grima.

Ir-responsabbilitajiet tal-pjattaforma jinkludu:

  • Kollezzjoni tal-informazzjoni
  • Analiżi tal-informazzjoni u
  • Li tara li din l-informazzjoni hija affidabbli u ta’ min joqgħod fuqha
Ekonomija

Sport