Friday, December 20, 2024

POLITIĊI, POPLU, PANDEMIJA

Lorna Vassallo

Aqra wkoll

Reġa’ wasal mill-ġdid iż-żmien illi ntenni l-kitbiet tiegħi fuq dan il-ġurnal.  L-aħħar kitbiet tiegħi kienu fil-bidu tal-2020 meta mort naħdem ġewwa l-Ambaxxata Maltija ġewwa Berlin. Dak iż-żmien kont naf li l-esperjenza ġewwa dan il-pajjiż barrani kienet se sseddaqli ħilieti.

Hemmhekk ftaħt tieqa ikbar dwar kif titħaddem l-akbar ekonomija tal-UE u l-mod ta’ ħsieb warajha billi attendejt għal laqgħat u konferenzi li jinkludi politiċi distinti u persuni fl-amministrazzjoni Ġermaniża fl-istess ħin illi ħadt l-opportunità li napprofondixxi l-għarfien tal-lingwa Ġermaniża.

Matul il-kważi sentejn li domt il-Ġermanja ma għaddietx ġurnata waħda li ma smajtx it-tliet bulettini prinċipali tal-aħbarijiet ta’ filgħaxija f’Malta. Fiżikament kont il-Ġermanja, iżda mentalment kont  għadni Malta.  

U kif waslet il-ġurnata li nagħmel l-esperjenza ġewwa l-Ġermanja hekk ukoll waslet il-ġurnata li nerġa’ lura Malta.  U llum waslet ukoll il-ġurnata li nerġa’ nibda nikteb f’dan il-ġurnal.  U bħala tema għall-ewwel artiklu tiegħi, iddeċidejt li nagħti l-ewwel reazzjonijiet tiegħi dwar l-aħħar sentejn.

Jien wasalt il-Ġermanja  fl-1 ta’ Jannar 2020: is-sena tal-pandemija.  L-2021 kienet is-sena fejn bdew jitlaqqmu n-nies.  Mill-Ġermanja rajt sew id-differenza ta’ kif tmexxiet il-politika fir-rigward tal-pandemija Malta u l-Ġermanja.  It-tilqim ġewwa l-Ġermanja kien xi sitt xhur tard iktar minn Malta. Għall-bidu t-testijiet kienu kollha bil-flus u ma setax jittestja ruħu kulħadd.  Kont konvinta li l-pajjiżi Ewropej ma kinux jafu kemm kellhom każijiet billi ma kinux qed jittestjaw sewwa.  Iżda kont konvinta wkoll li n-nuqqas ta’ għarfien seta’ biss ikun ta’ vantaġġ statistiku għalihom.

Apparti żbalji inkredibbli li ma messhomx saru, l-ikbar differenza li spikkat kien il-fatt li l-Ġermanja spiċċat bi protesti vjolenti frekwenti ta’ eluf kbar fit-toroq mingħajr maskri.  Malta qajla rat għexieren jipprotestaw.  Fil-fehma tiegħi, il-kollaborazzjoni tal-pubbliku Malti fi żmien il-pandemija kienet riflessjoni oħra tal-fiduċja tal-Maltin fl-awtoritajiet tagħhom fosthom fil-politiċi u fl-Awtoritajiet tas-Saħħa.  Kienet turija ta’ qrubija u fehim bejn iċ-ċittadin/votant u l-politiku li eleġġa.  

Lorna Vassallo

Il-pajjiżi Ewropej jaraw persentaġġi ta’ nies jivvutaw fl-elezzjonijiet ġenerali ħafna inqas minna. Dan nattribwih għall-fatt illi l-politiċi f’Malta jħabbtu lin-nies fuq il-bibien.  Iżda nattribwih ukoll għall-fatt illi l-votanti Maltin jifhmu li hemm bżonn iżommu kontroll fuq il-politiċi Maltin b’ċinga qasira.  Għax kif jgħidu t-Taljani: ‘Patti chiari, amicizia lunga’.  Il-qrubija tal-politiku Malti lejn il-votant/ċittadin u s-saħħa/kontroll tal-Malti fuq il-politiċi u l-awtoritajiet permezz tal-vot wasslet għal relazzjoni ta’ mħabba u ta’ mibegħda f’daqqa bejniethom.  Għalhekk nemmen illi l-persentaġġi għolja tal-votanti fl-elezzjoni ġenerali (li saret ukoll ftit jiem ilu) fi żmien il-pandemija ssarrfu mhux biss f’kollaborazzjoni ta’ livell għoli li diffiċli tqisha u tikkwantifikaha, imma wkoll f’persentaġġi għolja ta’ tilqim f’qasir żmien li faċli tikkwantifikah.

Bħalma ġejna l-ewwel fil-immunità tal-massa fi żmien il-pandemija, erbat ijiem wara l-pandemija erġajna ġejna l-ewwel fil-persentaġġi ta’ nies li jivvutaw.  Nistgħu ngħidu wkoll li ġejna l-ewwel fl-istħarriġ kontinwu li jsir minn entitajiet Ewropej li jqisu l-fiduċja tal-poplu fil-gvern tiegħu.

Għalkemm il-pandemija u elezzjoni jidhru ’l bogħod minn xulxin, fejn tidħol il-kreddibiltà tal-awtoritajiet, huma wkoll ferm qrib.  

Filwaqt li l-Virologu prinċipali tal-Ġermanja, Christian Drosten, irċieva theddid kontinwu fuq ħajtu minħabba l-miżuri li kien qed jipproponi, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Maltija rċeviet tifħir u Ġieħ ir-Repubblika.  Minn bulettini Ġermaniżi u artikli kien jidher ċar illi ħafna mit-theddid kien ġej ukoll min-negozjanti: xi ħaġa li f’Malta ġiet ikkontrollata mill-għajnuniet li offra l-gvern lin-negozjanti.  Dan fl-aħħar mill-aħħar irriżulta f’irkupru l-iktar immedjat ekonomiku wara l-pandemija. 

Iżda ħareġ ċar ukoll illi minkejja li l-pandemija faqqgħet eżattament fi żmien meta Malta kienet qed tiġi akkużata b’laxkar fis-saltna tad-dritt, il-poplu Malti deher li wara li kien afda lill-gvern tiegħu b’deċiżjonijiet dwar it-taxxi, il-benefiċċji soċjali, l-enerġija, l-infrastruttura, l-akkomodazzjoni soċjali, il-politika dwar Għawdex u l-elf responsabbiltà oħra ta’ gvern, afdah ukoll fejn daħlu l-miżuri tal-COVID-19 u t-tilqim.  Għax il-poplu Malti jaf, li lil min tafu ssaqsix għalih.

Li huwa żgur hu li l-mudell demokratiku u r-rabta intima bejn votant u politiku li bih jitmexxa pajjiżna kien il-mudell ideali wkoll waqt il-pandemija.  U dan irridu niftakruh meta niġu biex inqabblu lil pajjiżna ma’ pajjiżi oħra ferm akbar minna.  Is-saħħa (mhux biss metaforika imma wkoll fiżika) tal-Maltin tiġi mhux biss mill-qlubija u l-qrubija tal-poplu Malti, imma wkoll mill-attiviżmu politiku.

Kollox idur, iħoll u jorbot ma’ kemm il-poplu qed jibbenifika mill-azzjonijiet tal-gvern. Jekk il-poplu jibbenifika, allura juża l-vot bħala turija mhux biss ta’ apprezzament imma tal-fatt li l-affarijiet għandhom jibqgħu sejrin hekk. U għalhekk, minkejja  l-fatt li hemm min għadu jagħmel minn kollox sabiex jimmina x-xbiha tal-gvern Malti, il-poplu qua ċittadin u votant irrisponda.  U rrisponda permezz tal-apprezzament.  Barra minn pajjiżna, l-istess  poplu li ma jivvutax fl-elezzjonijiet kien l-istess poplu li ma obdiex id-direttivi tal-gvern.  Bħalma dawn il-pajjiżi jesperjenzaw defiċit demokratiku fl-elezzjonijiet li jorganizzaw, hekk ukoll fil-pandemija esperjenzaw defiċit ta’ kollaborazzjoni mill-poplu.

Għalkemm hawn min fostna li qed imur għand pajjiżi ikbar minna biex jgħidulna kif għandna nimxu demokratikament, aħna wkoll għandna x’ngħallmu lil dawn il-pajjiżi li qed jgħallmuna.  U dan ġie kkonfermat f’dawn l-aħħar sentejn għal darba darbtejn: fil-pandemija u fl-elezzjoni ġenerali.  M’hemm bżonn ebda konferma oħra.

Ekonomija

Sport