Sunday, November 24, 2024

“Politika ta’ kontradizzjonijiet – ir-razzjonalizazzjoni tal-2006 għandha titħassar” – ADPD

Aqra wkoll

Illum waqt konferenza stampa f’Marsaskala, ħdejn is-sit tal-lukanda Jerma, Brian Decelis, li se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali ma’ ADPD fuq it-tielet u r-raba’ distretti elettorali qal li dan li qegħdin naraw għaddej f’Marsaskala bħalissa propju juru l-kontradizzjonijiet fejn tidħol il-politika tal-ippjanar kif imfassla miż-żewġ partiti l-kbar, il-PLPN.

“Hawnhekk qegħdin ħdejn il-Jerma Palace Hotel li għal bosta snin kienet tattira turisti lejn dawn in-naħat ta’ Malta. Kienet titgawda ukoll min-nies tal-madwar u nistgħu ngħidu għalhekk li minkejja li kienet għattiet it-Torri ta’ San Tumas kien żvilupp li dak iż-żmien ġie aċċettat.”

“Issa illum ninsabu f’sitwazzjoni fejn dan is-sit ingħata għal spekulazzjoni prinċiparjament b’appartamenti residenzjali fi żvilupp mostru li se jkun għoli iktar min dan it-torri. Id-daqs tal-iżvilupp se jkun aktar mid-doppju tal-bini li hawn bħalissa, b’nofsu li se jkun ta’ natura residenzjali u kummerċjali. Filwaqt li min-naħa l-oħra għandek il-bajja ta’ Marsaskala, li titgawda ferm min-nies tal-lokal, li qiegħed jiġi propost li tiġi mogħtija bħala yacht marina li tifga il-qalba ta’ din il-lokalità. Iż-żewġ proġetti massivi flimkien bla dubju ta’ xejn jġibu magħhom problemi kbar ta’ traffiku, tniġġis u indafa li diġà huma ta’ sfida għal din il-lokalità.”

Brian Decelis qal li għandom jiġu riveduti deċiżjonijiet li ttieħdu fil-passat li qegħdin iwasslu għal aktar iżvilupp, u li qed jiksu kull m’hemm bil-konkos illum.  Għandna nistaqsu x’iwassal għal livell t’għajxien aħjar għal kulħadd? Mhux talli għandu jintesa l-proġett tal-marina imma jekk is-sit tal-Jerma ma jistgħax jibqa’ jintuża għat-turiżmu dan għandu jerġa’ jingħata lura bħala spazju miftuħ għal pubbliku – b’hekk anke dan it-torri majestuż li qiegħed jiġi irrestawrat jkun jista’ jitgawda kif kien għal mijiet ta’ snin min-naħa tal-kosta ukoll.”

Carmel Cacopardo, Iċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party qal li l-ippjanar dwar l-użu tal-art hu dejjem kontroversjali għax jinvolvi li jittieħdu deċizjonijiet iebsa dwar kif tista’ tintuża l-art. Deċiżjonijiet li jekk ma jittieħdux fl-interess tal-komunità kollha se jkomplu jagħmlu ħsara kbira.

“Preżentament għandna 7 pjani lokali u dokument dwar ir-razzjonalizzazzjoni tal-linja tal-iżvilupp li fisser illi fl-2006 żewġ miljun metru kwadru ta’ art li kienet barra miż-żona tal-iżvilupp, b’daqqa ta’ pinna saret tajba għall-bini. Dan il-partit ilu sa mill-2006 jitkellem kontra l-impatti negattivi ikkawżati minn daqstant art li ngħatat għall-iżvilupp. Illum dak kollu li konna ngħidu dakinnhar qed iseħħ. Żoni sħaħ f’kull parti ta’ Malta qed jinbnew kif jixhdu l-ilmenti u l-protesti kontinwi tan-nies f’kull lokalità.”

“Minbarra li żdiedet l-art li tista’ tinbena żdied ukoll l-għoli permissibli tal-bini. Dan għandu l-konsegwenza li jnaqqas l-aċċess għax-xemx fil-bini tal-madwar. Jaffettwa lil dawk kollha li b’sagrifiċċju, u bl-għajnuna ta’ fondi Ewropej, investew fil-pannelli biex jiġġeneraw l-enerġija mix-xemx.  Riżultat ta’ hekk imbagħad qed iduru għall-art agrikola biex flok razzett li jiġġenera prodotti agrikoli jibda jiġġenera ix-xemx. Qed nitilfu iktar raba inutilment.”

“Hu meħtieġ li tinbeda bis-serjetà r-reviżjoni tal-pjani lokali li għandha twassal biex dak propost ikun ta’ benefiċċju għal kulħadd u mhux għal min hu interessat biss fl-ispekulazzjoni. Għandha titħassar ir-razzjonalizazzjoni tal-2006. Huwa essenzjali li l-pjan li bih ġiet estiża il-linja tal-iżvilupp jitħassar darba għal dejjem.  Ma nistgħux nibqgħu nieklu iktar art. Parti mdaqqsa minn din l-art għad ma nbnietx u għad nistgħu nsalvawha. Fl-ippjanar għall-użu tal-art jeħtieġ li npoġġu l-ħarsien tal-ambjent u l-kwalità tal-ħajja qabel kull konsiderazzjoni ekonomika. B’hekk biss nistgħu nibdew nindirzzaw l-impatti negattivi tal-ispekulazzjoni u tal-ispekulaturi fuq il-pajjiż kollu.”

Sport