Cospicua Dynamos huma ċ-champions il-ġodda tal-Kampjonati tal-Ewwel Divizjoni organizzati mill-Malta Pool Association. F’ finali derby Bormliz mill-aktar eċċitanti, it-tim ta’ Cospicua Dynamos għeleb lil Cospicua Rangers bl-iskor ta’ 11-10.
Rangers kellhom bidu tajjeb fejn rebħu l-ewwel żewġ sessjonijiet u fetħu vantaġġ ta’ 6-4 peró t-tim ta’ Dynamos baqgħu konċentrati u fi tmiem it-tielet sessjoni dawru r-rizultat b’vantaġġ ta’ 8-7.
L-aħħar sessjoni kienet mimlija tensjoni biż-żewġ timijiet jagħlqu s-sessjoni bl-iskor indaqs ta’ 10-10. Fil-frame deċisiv Ray Caruana għeleb lil Jed Abela biex ta r-rebħa lil Dynamos fost il-ferħ tal-partitarji.
It-tim rebbieħ ta’ Cospicua Rangers kien kompost minn Ray Caruana, Edmond Fenech, Liam Mifsud, Darren Schembri, Antoine Schembri u Christian Grech.
Sadanittant il-finali tal-Kampjonati Premier bejn Jojo’s B’ Bugia u Cospicua Rangers ser tintlagħab nhar it-Tnejn 5 ta’ Ġunju u se tintwera live fuq TVM Sports+ fis-7.30 pm.