Friday, May 3, 2024

GSSE 2023: Eleanor Bezzina tirbaħ id-deheb fit-10m Air Pistol

Aqra wkoll

It-tiratura Eleanor Bezzina rebħet l-10 midalja għal pajjiżna fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar meta rebħet il-kompetizzjoni tat-10m Air Pistol. 

Hija għelbet l-isfida ta’ Magali Pierre-Forest ta’ Monaco meta baqgħu ras imb’ras sal-aħħar tir li sa dak il-ħin il-Maltija kellha 218.8 punt b’vantaġġ ta’ 0.1 meta l-avversarja kellha 218.7.

L-eċċitament ma naqas għall-aħħar tir li kien jiddeċiedi fejn kienet sejra l-midalja tad-deheb. Iżda Bezzina baqgħet kalma biex ħarġet rebbieħa għal total ta’ 229.4 kontra l-226.4 ta’ Pierre-Forest. 

B’hekk hija żammet ix-xettru ta’ din il-kompetizzjoni meta kienet ħarġet rebbieħa fl-2019, fl-aħħar Logħob li sar minħabba li fl-2021 kollox kien wieqaf minħabba l-pandemija. 

Sport