Friday, December 27, 2024

Poplu Solidali

Jikteb il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi

Aqra wkoll

L-Istrina ghal darb’oħra wriet is-sens qawwi ta’ solidarjetà tal-poplu tagħna. Dan huwa avveniment kbir fejn matulu l-poplu Malti jingħaqad flimkien biex jinġabru fondi b’riżq il-Malta Community Chest Fund.

Minkejja li l-poplu tagħna bħal popli oħra għandu d-dgħufijiet tiegħu u mhux perfett, l-Istrina tfakkarna kemm il-poplu Malti għandu għal qalbu it-tessut soċjali u kemm kapaċi jkun solidali ma’ dawk l-aktar fil-bżonn fis-soċjetà.

L-Istrina turina kemm hawn nies li kapaċi juru empatija u kompassjoni ma’ dawk fil-bżonn. Bħala poplu jeħtieġ li nibqgħu solidali ma’ xulxin għaliex il-ftit minn għand il-ħafna jagħmel differenza kbira fil-ħajja ta’ dawk li jkunu l-aktar fil-bżonn.

Sfortunatament il-mard jaf jiġi fuqna jew fuq membri tal-familji tagħna ħabta u sabta. Dan filwaqt li jeqleb il-ħajja tagħna ta’ taħt fuq, joħloq sfidi kbar b’mod spejċali sfidi finanzjarji. Ħafna familji għandhom membri fil-familja tagħhom stess jew qraba li qed jingħataw kura minħabba l-marda tal-kanċer. Fid-dawl ta’ dan, il-firxà ta’ nies f’pajjiżna li jfittxu l-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund hija wiesgħa u varjata. F’ċirkostanzi bħal dawn il-Malta Community Chest Fund tidħol għal dawn il-familji billi toffri l-appoġġ u s-sapport kollu meħtieġ. L-għajnuna finanzjarja li tirċievi l-fondazzjoni tintuża fost oħrajn għat-trattament ta’ pazjenti li jkollhom il-kanċer u għall-mediċini li jiġu bżonn kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta. Għalija personali l-Malta Community Chest Fund hija tassew ta’ ispirazzjoni għall-ħidma sfieqa li twettaq mingħajr ħafna daqq ta’ trombi.

Nappella biex nibqgħu solidali ma’ xulxin mhux biss fl-Istrina iżda matul is-sena kollha. Hemm bżonn ukoll li kull wieħed u waħda minnha naħdmu aktar biex ikollna soċjetà li taf tħobb u tgħader aktar. Illum qed ngħixu f’dinja mgħaġġla, soċjetà aktar individwalista u fl-istess ħin aktar konsumista.

Dan qed iwassal biex mhux dejjem nirrispettaw id-dinjità tal-persuna. Għalhekk kif wasalna lejn tmiem is-sena 2023 jeħtieġ nirrifletu sew fuq din is-sena u naraw kif fis-sena li ġejja filwaqt li nkunu solidali nittrattaw lil dawk ta’ madwarna b’aktar dinjità u rispett.

Ekonomija

Sport