Saturday, December 21, 2024

Possibbiltà li jitella’ r-Renju Unit b’Air Ambulance

Il-ġuvni Ingliż li nhar l-Erbgħa li għadda weġġa' waqt li kien ma' sħabu f'Kemmuna

Aqra wkoll

Il-ġuvni Ingliż ta’ 19-il sena li nhar l-Erbgħa weġġa’ serjament f’Kemmuna għadu jinżamm l-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Sorsi qalu lil dan is-sit li bħalissa t-tobba qegħdin jiddiskutu l-fatt jekk hux posibbli l-ġuvni jittieħed lejn ir-Renju Unit permezz ta’ Air Ambulance biex b’hekk ikompli jieħu l-kura li hemm bżonn f’pajjiżu stess.

L-istess sorsi qalulna li dan kollu se jkun qiegħed jiddependi mill-aħħar eżamijiet mediċi li mistennija jsiru fuq għonq il-ġuvni li sofra ksur fih.

Il-kundizzjoni tiegħu hija waħda stabbli.

Aktar kmieni: Ġuvni fil-periklu tal-mewt wara li weġġa’ f’Kemmuna

Ġuvni Ingliż ta’ 19-il sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li lbieraħ weġġa’ waqt li kien ma’ sħabu f’Kemmuna.

Jirriżulta li l-ġuvni għal xi raġuni weġġa’ waqt li kien f’Kemmuna fejn tim mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex mar fil-port tal-Imġarr jistenna lill-ġuvni jitwassal Għawdex biex ikun jista’ jingħata l-kura.

Sorsi qrib dan is-sit qalulna li t-talba għall-għajnuna waslet għall-ħabta tas-1.00pm, iżda minħabba li bħalissa f’Kemmuna ma hemmx membri tas-salvtaġġ kellhom jisejjħu l-Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili li telqu b’dgħajsa minn Malta biex isalvaw lill-ġuvni.

Jidher li l-ġuvni għandu ksur f’għonqu u għalkemm bħalissa jinsab f’kundizzjoni stabbli, xorta waħda għadu meqjus fil-periklu li jitlef ħajtu jew inkella jibqa’ paralizzat.

It-temp sabiħ li qiegħed jagħmel fuq il-gżejjer Maltin qed jiġbed mijiet ta’ persuni lejn Kemmuna bil-konsegwenza li ma hemm l-ebda għajnuna medika bħalissa fuq din il-gżira minħabba li l-membri tas-salvtaġġ jibdew ix-xogħol tagħhom fi ftit ġimgħat oħrajn.

Ekonomija

Sport