Mara ta’ 38 sena ngħatat il-ħelsien mill-arrest wara li wieġbet mhux ħatja għal akkużi li kisret ordni ta’ protezzjoni favur l-eks żewġha, b’rabta ma’ posts li allegatament ippubblikat fuq Facebook.
Il-każ beda meta, fil-11 ta’ Novembru, raġel irrapporta lill-Pulizija sensiela ta’ posts li qal li kienu qed idejquh, u ppreżenta screenshots tagħhom bħala parti mir-rapport.
Waqt il-proċeduri ħareġ li l-mara ma semmietx lill-eks żewġha b’ismu fil-posts u lanqas ma għamlitlu tag.
Ir-raġel spjega li kien imblokkaha fuq il-pjattaformi kollha tal-midja soċjali, iżda l-posts xorta waslu għandu permezz ta’ persuni oħra.
Ordni ta’ protezzjoni kienet ilha fis-seħħ mill-2025
L-Ispettur Audrey Micallef spjegat li kienet ġiet infurmata bil-każ mill-iskwadra tal-vjolenza domestika, wara li r-raġel mar jagħmel rapport fil-konfront tal-eks martu.
Il-Qorti kienet ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur ir-raġel fl-24 ta’ Ottubru 2025, filwaqt li bejn il-partijiet għadhom għaddejjin proċeduri oħra.
Skont il-kundizzjonijiet tal-ordni, il-mara setgħet tikkomunika mal-eks żewġha biss dwar kwistjonijiet relatati mat-tfal tagħhom.
Il-mara tressqet taħt arrest akkużata li kisret din l-ordni, kif ukoll b’akkużi relatati ma’ użu mhux xieraq ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika u inġurji jew theddid.
L-allegati reati jmorru lura għall-31 ta’ Ottubru u għall-perjodu ta’ qabel.
Tingħata l-ħelsien mill-arrest b’garanzija ta’ €1,000
L-akkużata wieġbet mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrieha.
Id-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest, u l-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx.
Il-Qorti laqgħet it-talba u imponiet garanzija personali ta’ €1,000, flimkien mal-obbligu li l-mara tiffirma fl-għassa tal-Pulizija darba fil-ġimgħa.
Hija trid tosserva wkoll curfew bejn il-11pm u l-5am.
L-avukata Veronique Dalli dehret għall-akkużata, filwaqt li l-avukat Jacob Magri rrappreżenta lill-parte civile.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Audrey Micallef.
