Thursday, December 26, 2024

“Prattika li għandha ssir parti mill-kurrikulu nazzjonali”

Teżi dwar il-Mindfulness bi strateġija li tgħin mhux biss lil studenti b’kundizzjoni iżda lit-tfal kollha

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

F’Malta 9.7% tat-tfal ibatu mill-kundizzjoni “Social Emotional Behavioural Disorder“ (SEBD) li tfisser  diffikultajiet soċjali, emozzjonali u imġiba diffiċli. Dan il-persentaġġ pjuttost għoli ta’ tfal li min b’fatturi ġenetiċi, min b’kundizzjoni fil-funzjoni tal-moħħ jew żbilanċ fl-ormoni u oħrajn ġejjin minn ambjent bi problemi soċjali, għandhom bżonn ta’ għajnuna u mħabba. Waħda mill-istrateġiji li tista’ tintuża f’dan il-kamp hija l-Mindfulness, teknika li fost l-oħrajn tinkludi eżerċizzji tan-nifs, li tgħin biex persuna tkun aktar konxja tal-imġieba tagħha u kalma.

Fost il-persuni mħarrġa biex jassistu tfal bl-SEBD għandna l-Learning Support Educators (LSEs), professjonisti li jixraqilhom ħajr u apprezzament għax-xogħol kbir u importanti li jagħmlu mat-tfal tagħna. Dan is-sit iltaqa’ ma’ waħda minnhom, Mary Josephine Grech, li għadha kemm temmet Baċċelerat fl-Edukazzjoni Inklussiva mal-Malta Leadership Institute b’teżi interessanti li fiha twassal informazzjoni dwar il-benefiċċji li hemm fl-użu tal-Mindfulness ma’ studenti b’SEBD. 

Grech tipproponi din l-istrateġija għax barra li hija ppruvata u diġà pprattikata f’pajjiżi barranin bħalma huma r-Renju Unit u l-Istati Uniti, Mindfulness tista’ tgħin ħafna mhux biss lit-tfal li jbatu bl-SEBD, iżda lit-tfal kollha inġenerali. Id-Dalai Lama fl-2017 innifsu kien qal li jekk il-Mindfulness tiġi pprattikata mill-età ta’ tmien snin, din “tnaqqas il-vjolenza f’ġenerazzjoni waħda”. 

Grech ilha għal dawn l-aħħar 10 snin taħdem bħala LSE fejn f’dan il-perijodu rat u misset b’idejha d-diffikultajiet tat-tfal b’kundizzjonijiet differenti fl-iskejjel tagħna. S’issa, hija ħadmet l-istrateġija tal-Mindfulness ma’ tliet studenti u tisħaq li t-tfal tant ibbenefikaw minn din il-prattika, li l-progress tagħhom kien innotat u mfaħħar minn terzi persuni. 

Wara snin ta’ riċerka, studju u anke prattika, hija waslet għall-konklużjoni li jkun ideali għas-soċjetà tagħna jekk din il-prattika tiġi mħaddna mhux biss għat-tfal bi bżonnijiet speċjali, iżda ssir parti mill-kurrikulu nazzjonali.

YouTube video

“M’huwiex it-tort tagħhom”

Iż-żieda allarmanti ta’ każijiet ta’ SEBD f’Malta hija attribwita għal diversi fatturi inkluż l-istress ikkawżat mill-istil ta’ ħajja li ngħixu. “SEBD taffettwa tfal bi problemi soċjali, emozzjonali u imġieba diffiċli. Imġieba diffiċli hija meta tpoġġi lilek innifsek jew lil ħaddieħor f’diffikultà u forsi anke f’periklu minħabba rabja. Dawn l-istudenti ma jimxux mal-istruzzjonijiet, jirribellaw u jgħaddu minn diffikultajiet oħra minħabba li ma jkunux jafu kif għandhom jiffaċċjaw sitwazzjoni fil-ħajja,” spjegat Grech.

Din l-LSE qalet li l-imġiba tagħhom hija ta’ sfida. Din it-tip ta’ mġieba sseħħ anke meta t-tfal jesperjenzaw xi ħaġa diffiċli, jgħaddu minn perjodu ta’ stress, isibu diffikultà fil-komunikazzjoni, ikollhom xi problemi fiżiċi jew ikunu għaddew minn xi trawma. Qalet li, “dawn it-tfal jistgħu jkunu agressivi, jibdew jirrepetu imġiba ħażina, ikunu impulsivi, ma jżommux mar-rutina u ma jobdux. Imma dan m’huwiex it-tort tagħhom u lil dawn it-tfal għandna nħobbuhom. Importanti li ngħinuhom iħossuhom siguri fl-ambjent tal-iskola, kif ukoll li huma aċċettati,” sostniet l-edukatriċi.

Meta l-intervent jibda minn kmieni permezz ta’ assessjar speċjalizzat, dawn it-tfal ikunu jistgħu jkunu nklużi fil-klassi ma’ studenti oħra. B’għajnuna kemm minn professjonisti, edukaturi bħalma huma l-LSEs u s-support meħtieġ mill-familja, tfal bl-SEBD jirnexxu fl-iskola u fis-soċjetà, isibu impjieg, jgħixu ħajja normali u anke jrabbu familja. 

Grech spjegat li studenti bl-SEBD rari jkunu statemented għax din il-kundizzjoni hija diffikultà moħbija. Hija qalet li, “ġeneralment l-imġiba tagħhom tkun innotata fl-ewwel snin tal-Primarja iżda dawn l-istudenti ħafna drabi jitniżżlu fil-kategorija ta’ ADHD (Attention Deficit Hyperactivity Disorder) meta dawn, fil-verità, ikollhom diffikultajiet differenti u għaldaqstant, bżonn li jkunu indirizzati b’mod diffferenti”. 

Studenti bl-SEBD, li fost il-fatturi soċjali hemm minnhom b’ġenituri li jieħdu d-droga jew fil-ħabs, ma jkunux konxji tal-imġiba tagħhom. Huma jingħataw mediċina apposta li tgħinhom skont il-ħtiġijiet tagħhom u dan mhux għax huma morda mentalment, imma għax l-istess mediċina tgħinhom jiffokaw, jibbilanċjaw ruħhom u jħossuhom aħjar. 

“Jekk il-Mindfulness tiġi pprattikata mill-età ta’ tmien snin, din tnaqqas il-vjolenza f’ġenerazzjoni waħda” – Dalai Lama

Jekk il-kundizzjoni SEBD ma tkunx indirizzata minn meta jkunu għadhom tfal, barra r-riskju li l-imġieba mhux ikkontrollata tista’ twassal għal konsegwenzi agħar, bħala adulti dawn jibdew ibatu minn ansjetà kbira.

Fit-teknika tal-Mindfulness użata minn Grech, it-tfal jingħataw ereċizzji bin-nifs, kif ukoll jintużaw riżorsi u materjal apposta. Fost tagħmir importanti li jgħin lil studenti b’kundizzjoni u/jew diżabilità, din l-LSE semmiet il-Kamra Multisensorjali (Multi-Sensory Room).  Hija nnotat li f’Malta mhux l-iskejjel kollha huma mgħammra b’waħda minn dawn il-kmamar, kif ukoll li xi drabi ma jkunx hemm il-professjonisti meħtieġa biex joperaw fihom. 

Hija qalet li, “kien pass tajjeb ħafna mill-Gvern li ta €12,000 lill-familji li għandhom tfal bl-awtiżmu biex jagħmlu Multi-Sensory room f’darhom. Dawn it-tfal jattendu l-iskola u mhux kull skola għandha din il-kamra jew hemm skejjel mgħammra bihom, iżda m’għandhomx is-servizz tat-terapista okkupazzjonali biex tassisti b’mod professjonali lil dawn it-tfal.” 

L-edukatriċi qalet li aktar ma jkun hemm riżorsi u prattiċi li jgħinu lit-tfal b’kundizzjonijiet differenti aktar se jkun hemm suċċessi u inklużjoni. Il-Mindfulness se jgħin lit-tfal ikunu kalmi u kuntenti. Barra minnhekk, dawn l-istudenti jkunu jistgħu jkomplu bil-lezzjonijiet ma’ sħabhom fil-klassi u b’imġiba aħjar, igawdu aktar lill-familja u lill-persuni ta’ madwarhom. Fi ftit kliem, dawn it-tfal jgħixu ħajja aktar trankwilla u serena.

“Dawn l-istudenti, peress li jiġġieldu wisq, m’għandhomx ħbieb u jħossu li hemm nuqqas ta’ mħabba lejhom. Meta mbagħad jaraw li hemm min iħobbhom, iħossuhom aħjar. L-aħjar li tkun pożittiva, turihom li tħobbhom, turihom li huma individwi speċjali bħal kulħadd, tifhimhom, tfaħħar imġiba tajba, tagħtihom opportunitajiet li joħorġu barra u b’mod pożittiv turihom fejn għamlu ħażin,” kompliet Grech. 

Skola tal-Knisja b’suċċess akkademiku grazzi għall-Mindfulness

F’Malta l-prattika tal-Mindfulness diġà ġiet introdotta fi skola tal-Knisja u Grech qalet li din irriżultat f’suċċess akkademiku kbir għall-istudenti parteċipi. Hija qalet li Mindfulness m’għandhiex tkun limitata għal tfal b’SEBD biss għax din il-prattika tista’ tilħaq ukoll lil dawk li għandhom problemi f’ħajjithom fosthom dawk li tilfu xi ġenitur, dawk li għandhom mard fil-familja u oħrajn li jesperjenzaw it-trawma tal-vjolenza domestika.

L-edukatriċi sostniet li Mindfulness tgħin lit-tfal kif jieħdu d-deċiżjonijiet tajba, jitgħallmu kif isolvu l-problemi u jsiru aktar reżiljenti. Dan kollu jgħin biex l-istudenti ikollhom aktar suċċess akkademiku u personali. 

Minħabba f’hekk din l-LSE, li hija appoġġjata kemm minn kollegi kif ukoll minn professjonisti fis-settur edukattiv, saħqet li, “Mindfulness huwa ta’ benefiċċju kbir għall-istudenti kollha – li huma s-soċjetà ta’ għada. Din il-prattika għandha tkun mandatorja u għandha tiġi introdotta fil-kurrikulu nazzjonali fl-iskejjel kollha għax bis-saħħa ta’ din is-sistema t-tfal ikollhom aktar attenzjoni u interess fl-esperjenza edukattiva tagħhom. Jibdew ikollhom attitudni aħjar, isiru aktar kurjużi u jaċċettaw lilhom infushom u lil ta’ madwarhom”.

Il-Mindfulness tgħin fil-bilanċ tal-ħajja

Grech lestiet it-teżi tagħha riċentement u t-teknika tal-Mindfulness li qiegħda tippropni qiegħda tiġbed l-attenzjoni ta’ diversi professjonisti fis-settur edukattiv, inkluż dik tal-Principal tal-Malta Leadership Institute, Jesmond Friggieri, li huwa wkoll counsellor. Huwa qal lil dan il-ġurnal li t-teknika tal-Mindfulness ġiet integrata fid-dinja tal-Punent minn John Kabat Zinn. 

Friggieri spjega kif inizjalment din il-prattika kienet assoċjata mal-psikoterapija imma aktar ma għadda ż-żmien, din bdiet tiġi integrata f’oqsma oħra. Dan għax, fil-fatt, il-Mindfulness hija xi ħaġa li kulħadd jista’ jagħmel anke barra mill-aspett terapewtiku. Din hija teknika fejn tippermetti lill-persuna tieqaf ftit mill-ġenn tal-ħajja ta’ kuljum u tiffoka fuq il-mument preżenti u wieħed japprezza dak il-mument. 

“Nieqfu anke ħames minuti kuljum nimmeditaw, niffokaw fuq il-mument u ninsew affarijiet oħra. Il-Mindfulness tgħin fil-bilanċ mentali ta’ kull persuna u għalhekk aktar u aktar għat-tfal li jkunu għaddew minn trawmi jew diffikultajiet soċjali li jkunu qegħdin jaffettwaw l-imġiba tagħhom. Aħna nirrakkommandaw li għandna ngħallmu lit-tfal jipprattikaw din it-teknika sa min età żgħira għax tgħin fil-bilanċ tal-ħajja,” temm Jesmond Friggieri.

It-tutor ta’ Grech, Sharon Balzan, ukoll temmen li l-istrateġija tal-Mindfulness hija ta’ min jikkonsidraha bis-serjetà fuq livell nazzjonali u taqbel ma’ Grech li prattika bħal din żgur li tħalli benefiċċji kbar fuq it-tfal kollha li jesperjenzawha.

Ritratti u Filmat: Alan Saliba

Ekonomija

Sport