Saturday, April 12, 2025

Premier Ingliż: Arsenal aktar moħħhom f’Real Madrid milli fi Brentford

Aqra wkoll

Fi tmiem din il-ġimgħa, eżattament mil-lum sa nhar it-Tnejn, se jintlagħab it-32 programm tal-Premier League Ingliż bl-interess jiċċentra fuq bosta naħat tal-klassifika bħal m’huwa r-rebħ tal-kampjonat, it-timi­jiet li se  jikkwalifikaw għall-kompetizzjonijiet Ewropej kif ukoll il-kwistjoni tar-relegazzjoni.

Ir-rebħ tat-titlu waqa’ fuq żewġ timijiet, il-leaders Li­verpool u t-team ta’ waraj­hom, Arsenal. 

Iżda kif żvolġew l-affarijiet fiċ-Champions League, il-Gunners jistgħu jabban­dunaw it-taqtiegħa ma’ Li­ver­pool wara li nhar l-Erb­għa kisbu rebħa kbira u stupenda ta’ 3-0 kontra r-rebbieħa kurrenti, Real Madrid, b’goals tassew stupendi u wieħed jippreżumi li issa se jagħtu l-ġenb lill-kampjonat temporanjament meta nhar l-Erbgħa se jilagħbu t-tieni leg fi Stadio Bernabeu.

Għax ngħiduha kif inhi distakk ta’ 11-il punt meta qed tissielet ma’ Liverpool hija xi ħaġa diffiċli. Għalhekk hija loġika li għalissa jagħtu iktar importanza lit-’Tazza ta’ Widnejha Kbar’ milli jispiċċaw b’idejhom vojta.

L-avversarji tagħhom huma Brentford li minkejja li m’għandhom ċans ta’ xejn ikunu iridu jispiċċaw l-istaġun ‘il fuq kemm jista’ jkun.

Min-naħa ta’ Liverpool huma se jilqgħu lil West Ham f’Anfield għada meta dawn jinsabu salvi għal kollox mill-inkwiet tar-re­legazzjoni meta jinsabu 15-il punt fuq Ipswich li qed jokkupaw it-tielet post mill-aħħar.

Nottingham Forest, li jinsabu t-tielet, se jilqgħu lil Everton fis-City Ground fejn xejn għajr minn rebħa m’hija tajba għalihom meta warajhom hemm ruxxmata ta’ timijiet lesti biex jeħdulhom posthom għalkemm fl-istaġun li ġej il-Premier League se jkollu ħames timi­jiet flok erbgħa bl-aħħar wieħed kisbuh bil-ko-effiċjent tal-UEFA.

Liverpool ġejjin mit-tieni telfa tal-istaġun fil-kampjonat wara li sfaw megħluba minn Fulham ta’ Marco Silva li bħal Nuno Espirito Santo, li kien tahom l-ewwel telfa, huma t-tnejn Portugiżi.

Iċ-champions erba’ darbiet, Manchester City, li ma rnexxielhomx jiksbu l-ħames wieħed infila tant li qed jitħabtu biex ikunu fiċ-Champions League, jilq­għu lil Crystal Palace meta ġejjin minn żewġ rebħiet, żewġ draws u żewġ tel­fiet mill-aħħar sitt ħarġiet tagħhom. Ċertament mhux forma li jisfidaw għat-titlu tant li jinsabu 21 punt wara l-leaders meta jinsabu fis-sitt post.

Is-City qed iħossu n- nuqqas tal-iskorer prolifiku, Erling Haaland, li bih fit-team dejjem ikollhom is-serħan tal-moħħ għall-goals.

Team ieħor li għandu ċans li jkun fiċ-Champions League huwa dak ta’ Brigh­ton li se jkun fl-AMEX Stadium kontra Leicester City li ftit li xejn għandhom ċans li jżommu posthom mal-kbar bir-rekord tagħhom fl-aħħar tmien logħbiet huwa abbissimali meta fihom ma skorjawx goal u qalgħu 21.

Aston Villa jinsabu fl-is­tess sitwazzjoni ta’ Arsenal għalkemm huma sofrew telfa ta’ 3-1 kontra Paris St-Germain u għalhekk ħsibijiet­hom ikunu fuq it-tieni leg f’Villa Park ta’ nhar it-Tlieta iktar milli t-tliet punti li jistgħu jirbħu kontra Southampton li l-ġimgħa l-oħra ħolqu rekord negattiv meta saru l-iktar team kmieni li tilef postu mindu twaqqaf il-Premier League 33 sena ilu.

Għada wara nofsinhar se jintlagħbu tliet logħbiet fl-istess ħin fejn minbarra dik ta’ Liverpool kontra West Ham, ikun hemm Chelsea kontra Ipswich u Wolves kontra Tottenham.

Chelsea se jkunu fi Stamford Bridge biex jilqgħu lil Ipswich Town li bħal Leicester City huma virtwalment relegati. 

Meta l-Blues huma favoriti li jirbħu t-tliet punti huma jkunu qed isaħħu r-raba’ post iżda jridu joqogħdu attenti minn Newcsatle li għandhom il-logħba kontra Crystal Palace li għad iridu jirkupraw.

It-team ta’ Enzo Maresca ġej minn rebħa tajba ta’ 3-0 kontra Legia Warsaw fil-Polonja fil-Conference Lea­gue b’post fis-semi-finali jidher possibbiltá kbira.

Newcastle se jkunu f’St James Park kontra Manchester United b’dawn ġejjin mid-draw ta’ 2-2 fl-Ewropa League kontra Lyon b’goals ta’ Leny Yoro u Joshua Zirkzee wara li kienu sabu ruħhom goal minn taħt.

Wolves, li huma kważi salvi għal kollox mir-relegaz­zjoni, se jkunu f’Molineux biex jilqgħu lil Tottenham li wkoll ġejjin mill-impenn tagħhom fl-Europa League fejn ġew draw 1-1 f’darhom kontra Eintracht Frankfurt.

Logħbiet bejn dawn iż-żewġ timijiet dejjem kienu missielta u jistgħu jmorru kull naħa u din ta’ għada mhix eċċezzjoni meta Spurs iridu l-punti biex ma jispiċċawx iktar ‘il isfel fil-klassifika waqt li Wolves jippruvaw jilħqu li dawk ta’ qabilhom li ma tantx huma distanzjati minnhom.

Għal Wolves jista’ jidħol l-attakkant Brażiljan, Ma­theus Cunha, wara li skonta sospensjoni ta’ erba’ logħ­biet talli tkeċċa kontra Bournemouth fl-FA Cup meta qabel kien weħel żewġ logħbiet talli tkeċċa fl-aħħar minuta wkoll kontra Ipswich meta fiż-żewġ okkażjonijiet irritalja b’mod aggressiv. 

L-aħħar logħba tal-programm hija dik tat-Tnejn filgħaxija bejn Bournemouth u Fulham fejn rebħa għal wieħed minnhom tarah ikompli jissielet biex jikseb post fl-Ewropa.

Iċ-Cherries ġejjin mid-draw 2-2 għand West Ham waqt li l-Cottagers marru aħjar minnhom meta għelbu lil Liverpool 3-2 fi Craven Coattage biex tawhom it-tieni telfa tal-istaġun.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport