Kellu jkun goal fit-93 minuta biex Manchester United kisbu rebħa ta’ 2-1 għand Fulham biex saħħew il-ħames post tal- klassifika fil-Premier Ingliz.
Il-goal rebbieħ wasal proprju fl-aħħar azzjoni tal-partita miż-żagħżugħ Alejandro Garnacho Ferreyra (93).
Fil-veritá dan kien riżultat kiefer ma’ Fulham li taw daqskemm qalgħu u riżultat ta’ draw kien ikun wieħed ġust.
Kien Christian Eriksen (14) li fetaħ l-iskor għar-Red Devils iżda Daniel James (61) kiseb id-draw momentarju għall-Cottagers.
Brighton v Aston Villa – Barra minn darhom, Aston Villa dawru telfa f’rebħa biex għelbu lil Brighton bl-iskor ta’ 2-1.
Dawn tal-aħħar fetħu l-iskor wara biss 49 sekonda permezz ta’ Alexis MacAllister iżda Danny Ings (20 pen, 54) irreġistra doppjetta biex ta r-rebħa lill-Villans.
Wolves v Arsenal – Fil-partita li ntlagħbet tard is-Sibt filgħaxija, il-leaders Arsenal għelbu lil Wolves bl-iskor ta’ 2-0 biex issa fetħu vantaġġ ta’ ħames punti fuq l-eqreb rivali, Manchester City.
Wara taqsima mingħajr goals, in-Norveġiż Martin Odegaard (54, 75) skorja doppjetta biex ta t-tliet punti lill-Gunners.