Arsenal għamlu pass kbir lejn ir-rebħ tal-Premier League meta għelbu lil Manchester United 3-2 bil-goal tar-rebħa jasal lejn tmiem il-partita.
Kienu l-United li fetħu l-iskor b’xutt ta’ Marcus Rashford (17) minn barra l-kaxxa.
Iżda fl-24 minuta, il-Gunners kisbu d-draw meta Edward Nketiah ikkonkluda bir-ras mill-cross ta’ Gabriel Martinelli.
Imbagħad, fit-53 minuta, Bukayo Saka xeħet lil Arsenal fil-vantaġġ meta minn barra l-kaxxa dawwar il-ballun fir-rokna tax-xibka.
Madankollu sitt minuti wara Lisandro Martinez kiseb id-draw għar-Red Devils bir-ras wara ħarġa erratika tal-goalkeeper Aaron Ramsdale.
Peró Edward Nketiah (90) skorja l-goal tar-rebħa b’daqqa ta’ takkuna.
Man City v Wolves – Manchester City reġgħu sabu l-forma meta laqgħu lil Wolves u għelbuhom bl-iskor ta’ 3-0 biex saħħew it-tieni post tal-klassifika.
Bla dubju, il-protagonista tas-Citizens kien l-attakkant Norveġiż, Erling Haaland, li skorja l-goals kollha.
L-ewwel goal tiegħu wasal fid-39 minuta permezz ta’ daqqa ta’ ras.
Fid-49 minuta huwa rdoppja minn penalty biex dan kien it-30 goal tiegħu tal-istaġun fil-kompetizzjonijiet kollha.
Erba’ minuti wara, huwa ssiġilla r-rebħa meta rċieva mingħand Riyad Mahrez wara li approfitta minn żball tal-goalkeeper Jose Sa.
Leeds U. v Brentford – Il-partita bejn Leeds United u Brentford kienet l-unika waħda li ntemmet fi draw ta’ mingħajr goals.