Wara 14-il sena tintemm l-avventura ta’ Balzan FC fl-ogħla kampjonat Malti hekk kif ma kienx biżżejjed id-draw ta’ 1-1 kontra Naxxar.
Dan kien ta’ diżappunt kbir għall-Balzanin li riedu rebħa akkost ta’ kollox sabiex jisfurzaw decider li ironikament se jkunu qed jilagħbuha Naxxar proprju kontra Melita nhar il-Ġimgħa li ġej.
Dan il-verdett jinsab fis-seħħ hekk kif skont ir-regolamenti tat-360Sports Malta Premier, Balzan huma relegati awtomatikament billi spiċċaw fl-aħħar żewġ postijiet tal-klassifika kemm fir-round tal-ftuħ kif ukoll fir-round tal-għeluq bil-format il-ġdid tal-kampjonat.
Il-Balzanin jistgħu wkoll jgħidu mea culpa hekk kif tilfu diversi ċansijiet ta’ skor fejn setgħu faċilment għalqu l-logħba favurihom fejn saħansitra tilfu penalty.
Balzan bdew tajjeb u ħolqu l-ewwel ċans tal-partita wara ħames minuti logħob meta kien Akpan li wara li ħarab in-nasba tal-offside kellu x-xutt tiegħu milqugħ minn Matthias Debono bejn il-lasti ta’ Naxxar.
Fis-17-il minuta, Benjamin Hili għadda lejn Awosanya li b’għaġeb ta’ kulħadd xeħet il-ballun għoli meta kien waħdu.
Żewġ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima, xutt minn barra l-kaxxa ta’ Marcus Grima għadda barra sabiex l-ewwel 45 minuta għalqu fi skor ta’ mingħajr gowls.
Balzan baqgħu ferm dominanti anke fit-tieni taqsima u fil-50 minuta ngħataw penalty mir-referee Trustin Farrugia Cann meta Nikolai Micallef ta’ Naxxar waqqa’ lil Awosanya fil-kaxxa sabiex mill-11-il metru Jan Busuttil ra x-xutt salvat ferm tajjeb mill-goalkeeper bravu Matthias Debono.
U kontra x-xejra tal-logħba, Naxxar fetħu l-iskor meta Maicon da Silva sab il-ballun ma’ saqajh u approfitta minn żball difensiv sabiex b’xutt bomba għeleb lil Danilo Golovic.
Balzan ma qagħdux għaliha u fil-85 minuta ġabu l-iskor indaqs wara li Dimeji Awosanya irċieva ballun tajjeb sabiex mingħajr ma qagħad jaħsibha xeħet il-ballun fix-xibka.
Hekk kif ingħataw ħames minuti żejda mir-referee, Balzan xeħtu kollox fuq l-attakk fit-tentattiv iddisprati li jsibu l-gowl tar-rebħa, xi ħaġa li ma waslitx sabiex issa se jkollhom jilagħbu fit-tieni kategorija tal-futbol Malti sa mis-sena 2011 ‘l hawn.
Min-naħa ta’ Naxxar, għand għandhom ċans iżommu posthom fil-Premier għat-tielet staġun konsekuttiv jekk nhar il-Ġimgħa jegħlbu lil Melita fil-playoff għar-relegation fit-Tony Bezzina Stadium fis-6pm.
Balzan: 99 – Danilo Golovic (Danilo Golovic 70 min), 6 – Marcus Grima, 8 – Nicholas Pulis, 10 – Jan Busuttil (Isaac Westendorf 70 min), 11- Benjamin Hili, 14 – Dimeji Awosanya, 17 – Henri Stanic, 21 – Luka Lukovic (Luka Lukovic 78 min), 23 – Victor Blasco Llorens (Marcus Ndombasi 78 min), 27 – Ayo Akpan, 77 – Elvis Kamsoba.
Coach – Andrew Cohen.
Naxxar Lions: 1 – Matthias Debono, 3 – Nikolai Micallef, 4 – Bacary Sane, 8 – Neil Pace Cocks, 9 – Edward Orlando Bolanos, 10 – Edson Farias (Edson Farias 83 min), 18 – Hugo Dos Santos Coelho (Jhan Luis Hernandez 92 min), 20 – Helder Andre Martins, 23 – Maicon da Souza Silva (Ito Yasukadze 65 min), 25 – Fernando Barbosa Pereira, 33 – Joao Vitor Moura Cardoso.
Coach – George Vella.
Referee: Trustan Farrugia Cann.
Ass. Referees: Luke Portelli, Max-Lee Muscat.
Raba’ Uffiċjal: Daniel Casha.
Skorers: Bacary Sane 57 min (N), Dimeji Awosanya 85 min (B)
Ammoniti: Nicholas Pulis, Dimeji Awosanya, Luka Lukovic (B) Matthias Debono (N)