Saturday, September 21, 2024

Premier League: Floriana v Hibernians l-aktar attraenti

Aqra wkoll

Mil-lum sa nhar it- Tnejn li ġej, tintlagħab il-ħames ġurnata tal-Malta Premier League bl-aktar partita attraenti tkun bejn  Floriana u Hiber­nians. 

L-attenzjoni tkun ukoll fuq Hamrun Spartans li ġejjin minn telfa xejn mistennija kontra Mosta hekk kif jilagħbu kontra Balzan. 

Il-leaders Birkirkara u Sliema Wanderers għandhom partita kemmxejn delikata meta jaffrontaw lil Gzira United u lil Melita rispettivament. 

Zabbar St Patrick v Nax­xar Lions hija partita diretta bejn żewġ timijiet fin-naħa t’isfel tal-klassifika. 

Marsaxlokk, li jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika mingħajr l-ebda punt, jiltaqgħu kontra Mosta. 

Floriana v Hibernians – Floriana u Hibernians, fost l-aqwa timijiet fl-istorja tal-football Malti, iġeddu l-memorji tar-rivalitá sportiva li teżisti bejniethom. 

Floriana ġejjin minn    rebħa ta’ 2-0 fuq Naxxar         Lions li setgħet kienet akbar li kieku l-Greens kienu aktra preċiżi quddiem il-lasti avversarji. 

Bil-Ġamajkan naturaliz­zat Malti, Kemar Reid, lura fit-team wara injury u n-Niġerjan, Franklin Sa­sere, jidher li ssetilja fl-ambjent Furjaniż, l-attakk huwa l-arma letali tat-team immexxi mill-coach Darren Abdilla. 

Infatti Sasere skorja ż-żewġ goals fir-rebħa fuq in-Naxxarin. 

Hibernians, li ġejjin minn telfa ta’ 2-0 kontra Birkirkara, iridu jagħ­rfu kif jorganizzaw kontra team li bħal donnu sab il- forma wara bidu nċert. 

Xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji taż-żewġ timijiet biex iżommu l-pass mat-timijiet ta’ fuqhom. 

Gzira U. v Sliema W. – Dan il-konfront huwa derby tax-Xatt tas-Sliema hekk kif Gzira United jiltaqgħu kontra Sliema Wanderers.

Iż-żewġ timijiet ġejjin minn rebħa … il-Maroons fuq Melita bl-iskor ta’ 3-2 u l-Wanderers fuq Marsa­xlokk bl-iskor ta’ 1-0.

Is-Slimiżi jimmiraw li jkomplu bis-sensiela po­żittiva tagħhom biex jibqgħu jgawdu l-quċċata tal-klassiika. 

Interessanti huwa l-fatt li huma l-uniku team li għadu ma sofra l-ebda goal … għas-seba’ darba nfila jekk wieħed jikludi l-istaġun preċedenti. 

Infatti l-aħħar goal li qalgħu kien nhar l-14 ta’ April li għadda, fid-draw ta’ 1-1 kontra Balzan. 

Rebħa għalihom tkun tfisser li jaqbżu lil Sliema fl-ewwel post tal-klassifika. 

Il-Maroons għandhom lill-attakkant mill-Kame­run, Joseph Minala, li jibda sospensjoni ta’ tliet partiti. 

Balzan v Hamrun S. – Iċ-champions Hamrun Spartans iridu jinsew id- diżappunt ta’ tmiem il-ġimgħa li għadda meta sfaw megħluba minn Mos­ta bl-iskor ta’ 1-0 biex sofrew l-ewwel telfa wara disa’ partiti, biex il-Mostin irrepetew dan is-suċċess wara erba’ snin u nofs, eżattament nhar it-22 ta’ Frar, 2020, bl-iskor ta’ 2-1.

Anke Balzan ġejjin minn telfa ta’ 2-0 kontra Zabbar St Patrick fl-ewwel konfront bejniethom fl-ogħla diviżjoni. 

B’din it-telfa, issa huma nqabdu fin-naħa t’isfel tal-klassifika. 

Minkejja li fil-football kollox huwa possibbli huma se jilagħbu kontra team determinat li jikseb it-tliet punti wara li tilef il-pass mal-leaders. 

L-Ispartans se jkollhom jgħaddu mingħajr il-player sospiż, Ryan Camenzuli, li tkeċċa kontra Mosta filwaqt li għal Balzan jirritorna Jan Busuttil minn sospensjoni iżda ma jistgħux jinkludu lil Nikola Zerjal minħabba li huwa wkoll sospiż.  

Zabbar SP v Naxxar L. – Dan huwa s-sitt konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet  fejn fil-ħamsa preċedenti Naxxar Lions rebħu tnejn, Zabbar St Patrick rebħu waħda, bit-tnejn l-oħra jis­piċċaw fi draws.

L-aħħar darba li ltaqgħu kien fis-17 ta’ April, 1999, fid-draw ta’ 1-1. 

Filwaqt li ż-Żabbarin ġejjin minn rebħa, in-Nax­xarin ġejjin minn telfa kontra Floriana biex laħquhom fil-klassifika bi tliet punti. 

Għaldaqstant meta jkun fadal sitt partiti biex tin­temm l-ewwel fażi, rebħa għal xi ħadd minnhom tħallihom jittamaw li jistgħu jispiċċaw mal-ewwel sitta għalkemm fil-veritá t-tamiet huma limitati. 

Melita v Birkirkara– Din hija partita li Birkirkara jridu jirbħu akkost ta’ kollox jekk iridu jibqgħu fil-quċċata u jkomplu jisfidaw lil Sliema Wanderers. 

Huma ġejjin minn rebħa importanti ta’ 2-0 kontra Hibernians filwaqt li Me­lita ġejjin minn telfa kontra Gzira United. 

Peró, Birkirkara jridu juru rispett lejn l-avversarji tagħhom li kapaċi joħolqu xi sorpriża minkejja li hu­ma neqsin mill-esperjenza tal-ogħla diviżjoni. 

Rebħa għal Melita ttellagħhom tliet punti taħt l-istess Karkariżi. 

Marsasxlokk v Mosta – L-aktar team li ddiżappunta s’issa, Marsaxlokk, ji­­- l­agħbu kontra Mosta. 

Filwaqt li Mosta jinżlu b’moral għoli wara r-reb­ħa fuq Hamrun Spartans, Marsaxlokk iridu jagħrfu kif se jorganizzaw lilhom infushom hekk kif minn erba’ partiti fallew 12-il punt!

Fil-bidu tal-istaġun taw l-impressjoni li se jkunu fost l-isfidanti ewlenin. Iżda għadu mhux tard għalihom minħabba li jistgħu jirkupraw il-pożizzjoni tagħ­hom fit-tieni fażi.

– Cristian Muscat

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport