Saturday, December 21, 2024

Premier League: Hamrun S. iridu jirbħu biex iżommu l-kuntatt ma’ ta’ fuq

Aqra wkoll

minn Cristian Muscat

Matul dawn it-tlett ijiem  tintlagħab is-sitt ġurnata tal-Malta Premier League, b’għadd ta’ partiti mill-aktar interessanti bl-attenzjoni prinċipali ddur fuq il-partita bejn Floriana u Gzira Uni­ted, li huma t-team rivelazzjoni tal-istaġun hekk if jinsabu fit-tielet post.   

Iċ-champions Hamrun Spartans, li jinsabu ħames punti taħt il-leaders Birkirkara, jilagħbu kontra Nax­xar Lions filwaqt li l-istess Karkariżi għandhom partita mill-aktar delikata meta jiltaqgħu kontra l-ġirien Mosta. 

Sliema Wanderers jibdew favoriti li jiksbu t-   tliet punti kontra Melita li bdew l-istaġun fuq nota tajba, li iżda, sofrew tliet telfiet. 

Hibernians jaffrontaw lil Zabbar St Patricks li qed jagħtu sfida denja lil kull avversarju filwaqt li Marsaxlokk, l-uniku team mingħajr l-ebda punti, jiltaqgħu ma’ Balzan. 

Floriana v Gzira U. – Bla dubju, dan huwa l-aqwa konfront li huwa meqjus bħala wieħed bilanċjat u li jista’ jmur kull naħa. 

Il-Greens ġejjin minn draw ta’ 1-1 kontra Hibernians liema partita setgħu rebħu iżda kellhom jilagħbu l-aħħar nofs siegħa bi player nieqes minħabba li tkeċċa d-difensur, Oualid El Hasni, li bla dubju se jinħass in-nuqqas tiegħu hekk kif jinsab sospiż.

Min-naħa tal-Maroons, dawn ġejjin minn draw ta’ 2-2 kontra Sliema Wanderers hekk kif salvaw ir-riżultat fil-ħin miżjud biex kienu huma li nifdu x-xibka Slimiża għall-ew­wel darba f’dan l-istaġun meta kienet intatta għal seba’ logħbiet. 

Il-midfielder mill-Ka­me­run, Joseph Minala, huwa nieqes għall-Gżirjani hekk kif ikun qed jiskonta t-tieni sospensjoni minn tlieta. 

Naxxar L. v Hamrun S. – Din hija partita li fiha Hamrun Spartans ma jistgħux iwaqqgħu aktar pun­­ti minħabba l-biżgħa li jistgħu jaqtgħu l-kuntatt mal-leaders hekk kif jinsabu distakkati b’ħames punti.

Fl-aħħar żewġ ħarġiet huma fallew ħames punti wara t-telfa ta’ 1-0 kontra Mosta u d-draw ta’ 1-1 kontra Balzan. 

Peró, wieħed irid jgħid ukoll li kif inhuwa l-format tal-kampjonat, l-Ispartans jistgħu jirkupraw fit-tieni fażi hekk kif kollox jerġa’ jibda mill-ġdid. 

Interessanti huwa l-fatt ukoll li dan se jkun l-34 konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet fejn kienet f‘okkażjoni waħda biss li n-Nax­xarin ħarġu rebbieħa – fit-3 ta’ Mejju, 1997, bl-iskor ta’ 1-0. 

L-Ispartans se jkunu msaħħa bir-ritorn ta’ Ryan Camenzuli minn sospensjoni. 

Zabbar SP v Hiber­nians – Hibernians jiltaqgħu kontra t-team promoss ta’ Zabbar St Patrick hekk kif  iż-żewġ timijiet ġejjin minn riżultat ta’ draw … il-Paw­listi bl-iskor ta’ 1-1 kontra Floriana filwaqt li ż-Żabbarin temmew bl-iskor ta’ 3-3 kontra n-Naxxar Lions. 

Dawn iż-żewġ timijiet iltaqgħu 18-il darba fl-ogħla diviżjoni fejn is-Saints ħarġu rebbieħa darba waħda biss … iżda mhux fil-ground. Wara li l-partita ta’ nhar it-30 ta’ Marzu, 1952, il-Pawlisti ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 8-1, Żabbar ingħataw ir-rebħa wara li Hibernians għamlu użu minn player ineliġibbli. 

Għal din il-partita, iż-żewġ timijiet għandhom player sospiż – Strahinja Jovancic għal Zabbar u Higor Gabriel Fernandes Alves għal Hibernians.

Marsaxlokk v Balzan – Taħt it-tmexxija tal-coach il-ġdid, Enzo Potenza, Mar­saxlokk jimmiraw li jiksbu l-ewwel punti hekk kif jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika. 

It-Taljan Potenza, li ħa post Winston Muscat wara sensiela negattiva hekk kif sofra ħames tel­fiet konsekuttivi, ma għandu bżonn tal-ebda introduz­zjoni fil- kamponat Malti meta mexxa lit-ti­mijiet ta’ Sen­glea Athletic, Floria­na (li magħhom rebaħ il-kampjonat fl-2019-20), Sta Lucia u Valletta.  

Huma se jilagħbu kontra Balzan li neqsin mill-konsistenza, tant, li jinsabu fit-tmien post liema pożiz­zjoni hija diżappuntanti għal-livell tagħhom. 

Huma ġejjin minn draw ta’ 1-1 kontra Hamrun minkejja li fl-aħħar 10 minuti lagħbu bi player inqas meta tkeċċa Henri Braham Stanic u għaldaqstant huwa sospiż. Iżda Nikola Zerjal jirritorna minn sos­pensjoni.  

Mosta v Birkirkara – Birkirkara għandhom partita diffiċli meta jaffrontaw lil Mosta li ġejjin minn żewġ rebħiet konsekuttivi – kontra Hamrun S. (1-0) u Marsaxlokk (4-2). 

Għaldaqstant se jinżlu għal din il-logħba b’mo­ral għoli. Rebħa għalihom tfisser li jibqgħu jissieltu għall-ewwel sitt postijet.

Sliema W. v Melita – Sliema Wanderers jimmi­raw li jirritornaw għar- rebħ wara li ġew miżmuma fi draw ta’ 2-2 minn Gzira United.  

Huma jiltaqgħu kontra Melita li kellhom bidu tant tajjeb u saħansitra taw l-impressjoni li se jagħtu battikata lil kull avversarju.

Iżda n-nuqqas ta’ esperjenza qed tkun fattur importanti biex huma qed jonqsu milli jilħqu l-objettivi tagħhom. 

Huma ġejjin minn tliet telfiet wara draw kontra Floriana (3-3) u rebħa fuq Marsaxlokk (2-1).

Iż-żewġ timijiet mistennija jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli. 

Ekonomija

Sport