Fil-Premier League Ingliż, Aston Villa saħħew ir-raba’ post fil-klassifika meta laqgħu lil Wolves u rebħulhom bl-iskor ta’ 2-0.
It-taqtiegħa għal dan il-post tinkludi wkoll lil Tottenham Hotspur u lil Manchester United.
Iż-żewġ goals ġew skorjati wieħed f’kull taqsima minn Moussa Diaby (36) u Ezri Konsa (65).
Newcastle v West Ham – F’partita tipikament Ingliża li offriet xejn inqas minn seba’ goals, Newcastle United għelbu lil West Ham bl-iskor ta’ 4-3 wara li dawn tal-aħħar kellhom vantaġġ doppju.
Kienu l-Magpies li fetħu l-iskor minn penalty ta’ Alexander Isak (6). Iżda l-Hammers skorjaw tliet goals minn Michail Antonio (21), Mohammed Kudus (45) u Jarrod Bowen (48).
Madankollu Newcastle għamlu rimonta u ħarġu rebbieħa permezz ta’ Isak (77 pen) u doppjetta ta’ Harvey Barnes (83, 90).
Peró, din ir-rebħa ġiet imtappna bit-tkeċċija ta’ Anthony Gordon (94).
Bournemouth v Everton – Bournemouth ospitaw lil Everton u rebħulhom bl-iskor ta’ 2-1 biex it-Toffees baqgħu fil-periklu tar-relegazzjoni.
Il-goals taċ-Cherries waslu minn Dominic Solanke (64) u auto-goal ta’ Seamus Coleman (93) filwaqt li Beto (87) kiseb id-draw momentarju għal Everton.
Chelsea v Burnley – F’darhom Chelsea ġew miżmuma minn Burnley bl-iskor ta’ 2-2 meta dawn tal-aħħar lagħbu bi player inqas għal 50 minuta.
Cole Palmer (44 pen, 78) skorja doppjetta għal Chelsea filwaqt li Joshua Cullen (47) u Dara O’Shea (81) wieġbu għal Burnley wara li tkeċċielhom Lorenz Assignon (40).
Nottm F. v C. Palace – Nottingham Forest u Crystal Palace temmew fi draw ta’ 1-1. Jean-Philippe Mateta (11) fetaħ l-iskor għall-Palace filwaqt li Chris Wood (61) kiseb id-draw għall-Forest.
Sheffield U. v Fulham – Sheffield United u Fulham qasmu sitt goals bejniethom fi draw ta’ 3-3.
Il-goals ta’ Sheffield waslu minn Ben Brereton (58,70) u Oliver McBurnie (68) filwaqt li Joao Palhinha (62), Bobby Reid (86) u Rodrigo Muniz(94) skorja għall-Cottagers.
Tottenham v Luton – Tottenham dawru telfa f’rebħa meta għelbu lil Luton Town bl-iskor ta’ 2-1 permezz ta’ auto-goal ta’ Issa Kabore (51) u Son Heung-Min (86) wara li Tahith Chong (3) fetaħ l-iskor għall-Hatters.