Is-sewwieq Taljan, Kimi Antonelli, rebaħ il-Grand Prix ta’ Spanja għall-Mercedes wara li Lando Norris falla rebħa li kienet tidher kważi ċerta minħabba li kien imxekkel mis-Safety Car Virtwali.
Norris, li beda mill-pole position, kien qed jillidja l-ħin kollu meta fil-15-il dawra ħarġet is-Safety Car Virtwali.
Madankollu, Norris kien diġà għadda mid-daħla tal-pit lane meta ngħatat it- twissija, u għalhekk Antonelli u Max Verstappen setgħu jidħlu fil-pits taħt il-SCV u jiffrankaw ħafna ħin.
Is-SCV spiċċat qabel Norris seta’ jerġa’ jasal fil-pits. Meta finalment daħal, waqfa bil-mod kompliet tagħmilha diffiċli għalih u reġa’ ħareġ fil-ħames post. Minkejja li rnexxielu jirkupra, Norris spiċċa biss fit-tielet post fuq ċirkwit fejn is-sorpass huwa diffiċli ħafna.
Ir-rebħa kienet it-tmien waħda ta’ Antonelli f’14-il tiġrija dan l-istaġun u kompliet issaħħaħ il-vantaġġ tiegħu fil-kampjonat. Iż-żagħżugħ Taljan issa għandu vantaġġ ta’ 81 punt fuq sieħbu George Russell, li temm fil-ħames post wara tiġrija diffiċli u strateġija kumplessa.
Lewis Hamilton, li jinsab fit-tielet post fil-klassifika, kellu jirtira kmieni wara li sofra ħsara fil-brejkijiet, u issa jinsab 101 punt wara Antonelli.
Klassifika (ta’ fuq): 292 – Kimi Antonelli; 211 – George Russell; 191 – Lewis Hamilton; 186 – Lando Norris; 167 – Charles Leclerc; 145 – Max Verstappen





