L-għaqda responsabbli mill-uffiċjali tal-logħob tal-Premier League, Pro Ref, ammettiet li kien hemm “żball ta’ ġudizzju” fid-deċiżjoni li jingħata l-goal rebbieħ ta’ Erling Haaland favur Manchester City kontra Manchester United.
Wara li s-City iċċelebraw rebħa notevoli fid-derby kontra Manchester United, qamu bosta mistoqsijiet dwar jekk il-goal ta’ Haaland kellux jingħata f’partita mimlija kontroversji.
L-attakkant skorja fis-60 minuta f’Old Trafford, meta dawwar il-ballun fix-xibka wara cross ta’ Josko Gvardiol. Madankollu, il-goal kien tħassar mill-ewwel minħabba offside.
Wara intervent mill-VAR, il-goal ġie konvalidat, hekk kif ġie deċiż li Haaland kien f’pożizzjoni regolari minħabba li ż-żarbun ta’ Patrick Dorgu kien qed iżommu onside.
Madankollu, qamet diskussjoni dwar jekk Enzo Fernandez, li kien f’pożizzjoni ta’ offside u kien qed jagħmel moviment lejn il-ballun f’pożizzjoni aktar ċentrali minn Haaland, kienx qed jinterferixxi mal-logħob.
Fi stqarrija, l-għaqda tar-referees qalet: “Ġie stabbilit li Enzo Fernandez ma lagħabx il-ballun u għalhekk kwalunkwe offside huwa suġġettiv.
“Madankollu, f’din l-okkażjoni, il-VAR ma rrikonoxxiex l-impatt probabbli tal-pożizzjoni tiegħu u kellu jirrakkomanda reviżjoni fuq il-post.
“Manchester United ġew ikkuntattjati biex nirrikonoxxu dak li nqisu bħala żball ta’ ġudizzju. Se ssir reviżjoni tal-inċident.”
Id-difensur tal-United Lisandro Martinez iddeskriva d-deċiżjoni bħala “inġustizzja”, filwaqt li l-coach, Michael Carrick, qal li kien “konfuż” bid-deċiżjoni.
Il-goal wasal wara li s-City spiċċaw b’10 players fl-ewwel taqsima, meta Phil Foden intwera karta ħamra diretta talli ta daqqa ta’ sieq lil Bruno Fernandes.




