Għaddej proġett estensiv għat-tiġdid tal-Middle School tal-Blata l-Bajda fi ħdan il-Kulleġġ San Ġorġ Preca, li se jwassal għal trasformazzjoni tal-kampus kollu f’ambjent edukattiv modern, aċċessibbli, u aktar adattat għall-ħtiġijiet tal-istudenti u l-edukaturi.
Il-proġett, li se jitwettaq f’fażijiet, jinkludi t-tiġdid tal-ħames blokok li jiffurmaw l-iskola, flimkien ma’ infrastruttura u servizzi ġodda, titjib fl-aċċessibbiltà, faċilitajiet sportivi mġedda, spazji ta’ barra mfassla mill-ġdid u sala moderna. L-iskola, li nfetħet fl-1959 u li partijiet sostanzjali minnha baqgħu fil-kundizzjoni oriġinali tagħhom, teħtieġ interventi sinifikanti ta’ tiswija u modernizzazzjoni, inkluż xogħol strutturali li rriżulta meħtieġ matul il-proġett.
Waqt żjara fl-iskola, il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri segwa l-ewwel fażi tax-xogħlijiet, filwaqt li l-attività edukattiva qed tkompli fl-istess kumpless sabiex it-tagħlim ma jiġix interrott.
Il-Ministru Camilleri qal li l-proġett huwa eżempju tal-ħidma li qed issir biex l-infrastruttura edukattiva tevolvi flimkien mal-ħtiġijiet tal-istudenti u tal-edukazzjoni.
“Hawnhekk mhux qed nagħmlu sempliċiment xogħol ta’ tisbiħ, iżda qed inġeddu skola sħiħa madwar il-ħtiġijiet tal-istudenti u l-edukaturi tal-lum. Dan ifisser klassijiet aktar komdi, aċċessibbiltà aħjar, spazji moderni għat-tagħlim, faċilitajiet sportivi u rikreattivi aħjar, u infrastruttura li tagħmel l-iskola aktar sigura u effiċjenti. Irridu li l-investiment fl-iskejjel tagħna jissarraf f’differenza reali fl-esperjenza edukattiva ta’ kuljum u f’aktar opportunitajiet biex l-istudenti jitgħallmu, jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jilħqu l-potenzjal tagħhom,” qal il-Ministru Camilleri.
Ix-xogħlijiet jinkludu sistemi tal-arja kkundizzjonata fil-klassijiet u l-uffiċċji, filwaqt li qed jiġu mmodernizzati s-servizzi tal-elettriku, l-ilma u d-drenaġġ. Se jkun hemm ukoll lifts u faċilitajiet li jtejbu l-aċċessibbiltà, flimkien ma’ sistemi moderni ta’ protezzjoni kontra n-nirien, CCTV, intruder alarms u infrastruttura ċentrali ġdida tal-IT. Twieqi double-glazed u pannelli fotovoltajċi se jgħinu wkoll biex titjieb l-effiċjenza enerġetika tal-binjiet.
Parti importanti mit-trasformazzjoni se tkun iddedikata lill-isport u l-attività fiżika, bit-tiġdid tal-gym u l-gymnasium u b’faċilitajiet sportivi fuq barra. Dawn l-ispazji huma maħsuba biex jintużaw mhux biss mill-istudenti tal-iskola, iżda wkoll minn studenti ta’ skejjel oħra u minn persuni li jattendu korsijiet ta’ filgħaxija.
L-ispazji ta’ barra se jiġu żviluppati wkoll biex isiru parti aktar integrali mill-esperjenza edukattiva, b’żoni għat-tagħlim u l-qari fil-beraħ, spazji għad-dell u żoni ħodor. Flimkien ma’ dawn se jkun hemm sala moderna u versatili li tkun tista’ tintuża għal assemblies, wirjiet, attivitajiet edukattivi u avvenimenti komunitarji.
Ruben Briffa, Chief Engineer fi ħdan id-Direttorat tal-Loġistika u l-Infrastruttura, spjega li x-xogħol li għaddej bħalissa fuq l-ewwel tliet blokok huwa l-bidu ta’ proġett usa’ li se jimmodernizza l-kumpless kollu.
“Bħalissa qed naħdmu fuq il-Blokok A, D u E, li huma l-ewwel fażi ta’ proġett ferm usa’. F’dawn il-blokok sar intervent estensiv biex inkunu nistgħu ngħaddu mill-ġdid is-servizzi ewlenin u ninstallaw infrastruttura moderna, fosthom sistemi tal-arja kkundizzjonata. Qed tinbena wkoll substation ġdida maħsuba biex eventwalment isservi l-ħames blokok tal-kumpless, filwaqt li qed isiru xogħlijiet ġodda fuq id-drenaġġ u l-ilma tax-xita. Kull blokka se tkun aċċessibbli permezz ta’ lift u qed intejbu wkoll il-faċilitajiet sportivi, is-sistemi tas-sigurtà u l-infrastruttura meħtieġa biex l-iskola tkun tista’ taqdi l-ħtiġijiet tal-lum u tas-snin li ġejjin,” qal Briffa.
Il-proġett qed jitwettaq b’konsultazzjoni kontinwa mat-tmexxija tal-iskola, sabiex l-ispazji u l-faċilitajiet il-ġodda jirriflettu l-ħtiġijiet tal-istudenti u l-edukaturi. Dan it-tiġdid jifforma parti mill-EDU Infrastructure Programme, programm fit-tul tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport biex tkompli tiġi mmodernizzata l-infrastruttura edukattiva madwar Malta u tkun adattata għall-ħtiġijiet tal-lum u tal-futur.


