Tuesday, December 24, 2024

Premier League: Liverpool jilqgħu lil Man City f’konfront kolossali

Aqra wkoll

Meta l-Premier League Ingliż riesaq lejn id- dritta finali, il-logħbiet bejn it-timijiet ta’ fuq ġejjin waħda wara l-oħra. Il-Ħadd li għadda kien hemm id-derby ta’ Manchester bejn is-City u l-United u din il-ġimgħa Li­verpool se jiltaqgħu kontra l-istess City b’din il-logħba tkun ferm kruċjali fejn se jmorru l-punti meta ż-żewġ timijiet jinsabu mifrudin b’punt favur ir-Reds.

Iżda llum t-team fit-tielet post, Arsenal, se jilqgħu lil Brentford fl-Emirates f’derby ta’ Londra fejn jekk jirbħu jitilgħu fil-quċċata b’mod proviżorju u għada jit­tamaw għall-iktar riżultat favorevoli li huwa dak ta’ draw.

Liverpool se jkunu f’Anfield fil-logħba l-kbira meta ġejjin minn rebħa inkoraġ­ġanti ta’ 5-1 fl-Europa League kontra Sparta Praha fir-Repubblika Ċeka waqt li s-City għamluhom żewġ rebħiet bl-iskor ta’ 3-1 kontra FC Copenhagen li bihom qatgħu l-passaġġ għall-aħħar tmienja taċ-Champions League.

Fl-aħħar sitt konfronti Liverpool rebħu ħames logħbiet u tilfu waħda waqt li t-team ta’ Pep Guardiola rebaħ ħamsa u ġie draw l-oħra.

Għalhekk kollox jindika li l-logħba se tkun waħda missielta bħas-soltu b’min jirbaħ ikun għamel pass importanti lejn ir-rebħ tat-titlu. Liverpool wisq probabbli li jkollhom lura lil Mohammed Salah li kontra ċ-Ċeki daħal fl-aħħar kwarta fejn skorja goal li peró ġie annullat għal offside.

Is-City jistrieħu fuq il-goals ta’ Erling Haaland iżda meta jkun ‘kwiet’ hemm oħrajn bħal Julian Alvarez u Phil Foden li jafu jsibu x-xib­ka wkoll.

Brentford għandhom isibu lil Arsenal propożizzjoni diffiċli meta dawn għandhom l-aqwa attakk u l-aqwa difiża meta skorjaw l-aktar goals – 68 – u sofrew l-inqas – 23 – waqt li anke d-diffe­renza tal-goals hija l-aħjar ukoll – +45. Bi players bħal William Saliba, Gabriel Ma­galhaes u l-goalkeeper David Raya fid-difiża flimkien ma’ Bukayo Saka, Gabriel Martinelli, Martin Odegaard u Kai Haverts fl-attakk, din l-istatistika m’għandhiex ton­qos.

Logħba ferm missielta wkoll għandha tkun dik bejn Aston Villa fir-raba’ post u Tottenham fil-ħames post, f’Villa Park, li l-Villans qed igawdu ħames punti fuq l-avversarji tagħhom.

Punt biss kien hemm differenza bejniethom fl-aħħar sitt logħbiet bil-vantaġġ ħa­du t-team ta’ Unai Emery li rebħu 12-il punt minn 15 u Spurs rebħu 11.

Iż-żewġ timijiet iridu joqogħdu attenti għat-theddida li ġejja minn Manchester United meta dawn se jiftħu l-programm illum kmieni wara nofs inhar meta jilqgħu lil Everton f’Old Trafford.

Bħalissa l-United jinsabu 11-il punt wara l-Villa u sitta wara Tottenham li peró lagħbu logħba inqas minnhom. Ta’ min jgħid iżda li r-Red Devils ġejjin minn żewġ tel­fiet kontra Fulham (2-1) u kontra Manchester City (3-1) waqt li Everton ħadu erba’ draws biss mill-aħħar sitt logħbiet iżda jinsabu ħames punti bogħod mit-tielet post mill-aħħar wara  li tnaqqsulhom erba’ punti mill-pena­litá oriġinali ta’ 10.

Bournemouth se jkollhom ċans jitbegħdu iktar miż-żona tar-relegazzjoni meta jilq­għu lit-team tal-qiegħ, Sheffield United, għalkemm bi 11-il punt vantaġġ fuq Luton Town ftit jidhru li jistgħu jinqabdu fit-taqbida.

Logħba oħra bl-istess andament hija dik bejn Crystal Palace u Luton bl-Eagles qed igawdu tmien punti fuq il-Hatters u b’rebħa llum ikunu għamlu pass kbir lejn is-serħan ir-ras, b’dawn tal-aħħar se jirkupraw il-logħba nieqsa kontra Bournemouth nhar l-Erbgħa li ġej.

Wolves se jkunu home biex jilqgħu lil Fulham meta qed igawdu tliet punti iktar minnhom. Iżda t-tnejn li huma m’għandhom l-ebda periklu tar-relegazzjoni meta ġejjin minn tliet rebħiet kull wieħed mill-aħħar sitt logħbiet bil-Cottagers anke ħadu żewġ draws ukoll.

Wolves jistgħu jiffaċċjaw għall-ewwel darba lill-winger Adama Traore li fl-aħħar żewġ logħbiet mindu rkupra minn injury, ta assist u skorja goal.

Brighton, feruti mit-telfa 4-0 kontra Roma fl-Europa League, se jkunu fl-AMEX Stadium biex jiltaqgħu kontra Nottingham Forest li ħadu rebħa u draw mill-aħħar 18-il punt u meta jinsabu erba’ punti biss bogħod mis-salvazzjoni huma m’hu­miex salvi għal kollox mir- relegazzjoni.

Team ieħor li l-Ħamis lagħab fl-Ewropa huwa dak ta’ West Ham u minkejja t-telfa ta’ 1-0 kontra Freiburg tal-Ġermanja, se tkun tajjeb li se jilagħbu home meta jiltaqgħu kontra Burnley.

Huma jinsabu fis-seba’ post żewġ punti wara l-Uni­ted meta ġejjin minn żewġ rebħiet u draw bil-Clarets jieħu biss draw minn sitt ħarġiet.

Il-logħba li tagħlaq il-programm hija dik tat-Tnejn bejn Chelsea u Newcastle, li nistgħu ngħidu huma żewġ timijiet ‘feruti’ għall-fatt li l-Blues kellhom staġun deludenti għal-livell tagħhom u l-Magpies naqqsu sew mill-istaġun li għadda u anke mill-bidu ta’ dan li rahom anke jokkupaw post fost l-ewwel erbgħa.

Ekonomija

Sport