Monday, May 13, 2024

Premju favur inizjattivi b’rabta mal-pandemija

Aqra wkoll

Hekk kif bħalissa d-dinja kollha tinsab għaddejja minn ġlieda kontinwa sabiex tkun ikkontrollata l-pandemija tal-COVID-19, l-Awtorità tal-Innovazzjoni Diġitali ta’ Malta nediet inizjattiva li permezz tagħha tinkoraġixxi, u eventwalment tippremja, ideat innovattivi li huma mmirati sabiex joffru appoġġ lis-soċjetà Maltija.

Il-Premju għat-Teknoloġiji Innovattivi b’Rispons għall-COVID-19 huwa mmirat biex jinkoraġġixxi l-iżvilupp u l-implimentar ta’ dawn l-istess teknoloġiji fi żmien adekwat. L-Awtorità tal-Innovazzjoni Diġitali ta’ Malta ma għamlet l-ebda forma ta’ restrizzjoni fuq it-tip tat-teknoloġija innovattiva, u għaldaqstant tista tkun app tal-mobile, apparat jew sit elettroniku, għodda edukattiva jew mezz kif isir monitoraġġ.

Żviluppaturi ta’ dawn it-teknoloġiji innovattivi li jkollhom impatt fuq is-sitwazzjoni lokali jistgħu jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom sabiex ikunu kkunsidrati għal dan il-premju sat-18 ta’ Mejju 2020. Sabiex it-teknoloġija tkun eliġibli għal dan il-premju, din trid tkun diġa implimentata sad-data tas-sottomissjoni, u jrid jintwera li qed tindirizza s-sitwazzjoni tal-COVID-19 u possibilment sitwazzjonijiet simili li jistgħu jiġru fil-futur. L-iskop taż-żmien qasir qiegħed hemm sabiex ikun assigurat li t-teknoloġija verament għandha impatt immedjat fuq is-sitwazzjoni lokali b’rabta mal-pandemija tal-COVID-19.

Is-sottomissjonijiet se jkunu ġġudikati minn tim ta’ evalwazzjoni li huwa ffurmat minn numru ta’ esperti fl-oqsma tas-saħħa u tat-teknoloġija. L-aqwa sottomissjoni magħżula għall-Premju għat-Teknoloġiji Innovattivi b’Rispons għall-COVID-19 se tirċievi għotja ta’ €7,000, filwaqt li dik li tiġi fit-tieni post se tirċievi €3,000. Dawk it-teknoloġiji li diġa huma implimentati iżda għadhom qed ikunu estiżi b’rispons għall-kriżi kurrenti huma wkoll eliġibbli sabiex ikunu kkunsidrati għal dan il-premju.

It-tnedija tal-premju saret nhar it-Tnejn 6 t’ April 2020, filwaqt li r-rebbieħ tal-premju se jkun imħabbar nhar it-Tnejn 15 ta’ Ġunju 2020. Iktar informazzjoni, bħall-kriterji tal-eliġibbiltà, il-proċeduri tas-sottomissjoni, il-formola tal-applikazzjoni u l-kriterji tal-evalwazzjoni, jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità tal-Innovazzjoni Diġitali ta’ Malta, li hija https://mdia.gov.mt/covid19.

Sport