Thursday, December 19, 2024

Premju Sakharov 2024- Il-Parlament Ewropew jonora lil Edmundo González Urrutia u lil María Corina Machado

Aqra wkoll

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ppreżentat il-Premju Sakharov 2024 lil Edmundo González Urrutia u lil María Corina Machado tal-Veneżwela f’ċerimonja li saret it-Tlieta li għadda fi Strasburgu.

Meta fetħet iċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb 2024, il-President Metsola qalet: “Fit-tfittxija tagħhom għall-ġustizzja, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, Edmundo González Urrutia u María Corina Machado qed jiddefendu bla biża’ l-valuri li miljuni ta’ Veneżwelani u l-Parlament Ewropew tant jgħożżu. Dan il-premju mhuwiex biss rikonoxximent iżda wkoll tfakkira li l-ġlieda għal-libertà qatt mhi għalxejn. Il-futur tal-Veneżwela jappartjeni lill-poplu tagħha u l-Parlament Ewropew jinsab kburi warajhom.”

María Corina Machado, irrappreżentata fiċ-ċerimonja minn bintha Ana Corina Sosa, ġiet eletta kandidata tal-oppożizzjoni għall-presidenza Veneżwelana f’isem il-“Pjattaforma Demokratika Magħquda” fl-2023, qabel ma ġiet skwalifikata mill-Kunsill Elettorali Nazzjonali kkontrollat mill-gvern.

Edmundo González Urrutia, diplomatiku u politiku li ħa post Machado bħala l-kandidat ewlieni tal-oppożizzjoni wara l-iskwalifika tagħha, ikkritika li r-riżultati uffiċjali tal-elezzjonijiet presidenzjali ta’ Lulju 2024 ma ġewx ippubblikati u kkontesta r-rebħa ddikjarata ta’ Nicolás Maduro. Huwa telaq mill-Veneżwela f’Settembru 2024, wara l-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest kontrih, u ngħata rifuġju fi Spanja.

Meta indirizza l-MPE, is-Sur González Urrutia qal li “l-ebda gvern ibbażat fuq il-vjolenza mhu stabbli,” qal is-Sur González Urrutia, filwaqt li ssottolinja l-fatt li l-Veneżwelani, inklużi l-partiġjani u l-ex partiġjani tar-reġim, “iridu javvanzaw fit-triq tal-libertà, id-demokrazija u l-fehim fostna lkoll.”
Il-President elett tal-Veneżwela qal li l-Premju Sakharov isaħħaħ l-impenn tiegħu għad-djalogu u jissimbolizza l-unità tad-demokratiċi madwar id-dinja li “illum, aktar minn qatt qabel, għandhom bżonn lil xulxin”. Huwa kkonkluda li “l-ġlieda tal-Veneżwela għal-libertà u d-demokrazija hija l-ġlieda għal dawn il-valuri fid-dinja kollha.”

Fl-intervent tagħha, María Corina Machado enfasizzat li l-elezzjonijiet presidenzjali tat-28 ta’ Lulju mmarkaw il-bidu ta’ bidla ġenwina bla waqfien li tmur lil hinn miż-żmien attwali u l-fruntieri tal-Veneżwela. “Nafu li se nirnexxu… ir-rebħa tal-Veneżwela se tkun ir-rebħa tal-umanità kollha,”, ikkonkludiet, filwaqt li rringrazzjat lill-Parlament Ewropew “talli pprova li m’aħniex waħedna”.

F’riżoluzzjoni adottata fid-19 ta’ Settembru 2024, il-Parlament Ewropew irrikonoxxa lis-Sur González Urrutia bħala l-President leġittimu u elett demokratikament tal-Veneżwela u lil María Corina Machado bħala mexxej tal-forzi demokratiċi tal-pajjiż. Il-MPE qalu wkoll li r-rapporti tal-missjonijiet internazzjonali ta’ osservazzjoni elettorali għamluha ċara li l-elezzjoni presidenzjali tal-Veneżwela ma kinitx konformi mal-istandards internazzjonali tal-integrità elettorali.

Aktar kmieni fi Frar 2024, il-Parlament Ewropew kien ħeġġeġ lill-istati membri biex iżommu s-sanzjonijiet imposti fuq ir-reġim ta’ Maduro, u biex iżiduhom sakemm ikun hemm impenn ċar u permanenti mir-reġim, f’konformità mal-Ftehim ta’ Barbados, li jirrispetta l-istandards demokratiċi bażiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem.

F’Lulju 2023, il-Parlament Ewropew ikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni arbitrarja u antikostituzzjonali tar-reġim tal-Veneżwela li jipprevjeni lil personalitajiet prominenti tal-oppożizzjoni politika bħal María Corina Machado, Leopoldo López, Henrique Capriles u Freddy Superlano milli joħorġu għall-elezzjonijiet tal-2024.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport