Il-votanti fil-Kroazja reġgħu eleġġew lil Zoran Milanovic għat-tieni mandat tiegħu wara li rebaħ kważi tliet kwarti tal-voti mitfugħa fl-elezzjoni presidenzjali tal-pajjiż. Dan ir-riżultat kien disfatta kbira għall-avversarju tiegħu Dragan Primorac, li kellu l-appoġġ tal-partit fil-gvern taċ-ċentru-lemin Unjoni Demokratika Kroata (HDZ).
Primorac ġab 25 fil-mija tal-voti, l-agħar riżultat li qatt inkiseb minn l-aktar forza politika qawwija tal-Kroazja. Ir-riżultat intlaqa’ b’rispons sieket mill-Prim Ministru Andrej Plenkovic, li mhux biss naqas li jifraħ lir-rebbieħ iżda insista li “Milanovic ma joffri xejn”. Minkejja dan, Milanovic qal li se jkun ta’ spalla għall-Prim Ministru.
Il-Presidenti fil-Kroazja jaqdu rwol fil-biċċa l-kbira ċerimonjali – il-kostituzzjoni tinsisti li m’għandhomx ikunu figura politika ta’ partit, iżda jaġixxu bħala l-kap tal-istat għaċ-ċittadini kollha.
Il-president Milanovic kien kritiku frekwenti tal-partit fil-gvern dwar kwistjonijiet fosthom il-korruzzjoni, l-inflazzjoni u l-kura tas-saħħa.
Filwaqt li kkundanna l-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna, ta’ spiss huwa kkritika wkoll l-appoġġ militari tal-Punent għal Kyiv.
Qabel ma sar president, Milanovic kien Prim Ministru tal-Kroazja mill-2011 sal-2016, u mexxa l-Partit Soċjal- Demokratiku (SDP) taċ-ċentru xellug mill-2007 sal-2016.
Fl-elezzjonijiet parlamentari tal-pajjiż is-sena l-oħra huwa ħabbar li kien se jikkontesta għal Prim Ministru, qabel ma qorti ddeċidiet li dan il-pass kien antikostituzzjonali.
Bi tweġiba, MIlanovic akkuża lill-imħallfin li għamlu x-xogħol tal-partit HDZ li ddeskrivih bħala “il-klikka tal-gangster”.
Il-gvern immexxi mill-HDZ kien il-partit dominanti minn mindu l-Kroazja kisbet l-indipendenza aktar minn 30 sena ilu.