Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump ikkanċella pjanijiet tax-xandira diretta tal-eżekuzzjoni ta’ Nidal Hasan – eks psikjatra fl-armata Amerikana – minn skwadra tal-isparar. Trump ħa din id-deċiżjoni minkejja li kien diġa qal li kien favur li l-esekuzzjoni tal-awtur tal-attakk f’Fort Hood tixxandar fuq l-internet.
Id-deċiżjoni ta’ Trump li jħassar ix-xandira diretta ttieħdet wara kritika qawwija kemm fl-Istati Uniti kif ukoll madwar id-dinja. Huwa qal li ħaseb li x-xandira tal-eżekuzzjoni biex jaraha kulħadd seta’ serva bħala deterrent qawwi u biex id-dinja tara kif l-Amerka tittratta lit-terroristi.
Fl-2009, f’bażi militari f’Texas, Hasan kien spara u qatel 13-il membru tal-militar Amerikan li ma kinux armati, u darab 32 persuna oħra. L-eżekuzzjoni tiegħu permezz ta’ skwadra tal-isparar se tkun l-ewwel eżekuzzjoni militari f’aktar minn 60 sena.
Ġmgħa wara li l-Pentagon ħabbar li l-esekuzzjoni ta’ Hasan se tkun fit-3 ta’ Diċembru 2026 permezz ta’ skwadra tal-isparar u li l-avveniment se jixxandar dirett fuq l-internet, tqanqlet mewġa ta’ kritika minn gruppi tad-drittijiet tal-bniedem u ħafna oħrajn. In-Nazzjonijiet Uniti ddeskrivew dawn il-pjanijiet mistkerrħa bħala “tal-mistħija”.
Iżda hekk kif żdiedet il-kritika, Trump deher li qagħad lura milli jesprimi appoġġ sħiħ. Nhar il-Ġmgħa huwa qal li assolutament kien jaqbel mal-pjan li l-proċess jixxandar dirett, iżda żied jgħid li l-Pentagon kien għadu qed jevalwa din il-kwistjoni.
Filwaqt li s-sena l-oħra saru aktar minn 2,700 eżekuzzjoni f’17-il pajjiż, żewġ nazzjonijiet biss wettquhom fil-pubbliku. Skont Amnesty International, fl-2025 ġew irreġistrati 11-il eżekuzzjoni pubblika fl-Iran u sitta oħra fl-Afganistan.
John Galligan, avukat ta’ Hasan li jaħdem primarjament fuq kwistjonijiet ċivili, qal lill-BBC li d-deċiżjoni ta’ Trump li jħassar ix-xandir dirett tal-eżekuzzjoni tiegħu ma kinitx sorpriża.
Galligan qal li mill-bidu nett, kienet deċiżjoni u dikjarazzjoni stupida min-naħa tas-Segretsrju tad-Difiża Pete Hegseth li jxandar direttament l-eżekuzzjoni apparti li dan kien se jkun bi ksur tar-regolamenti tal-Armata stess.
Huwa qal li Hasan huwa paralizzat mis-sider ’l isfel, fatt li Trump “allegatament lanqas biss kien jaf bih” meta approva l-pjan għax-xandir dirett. Huwa żied jgħid li l-ħsara diġà saret u din se tibqa’ tebgħa għal dejjem fuq is-sistema tal-ġustizzja militari tal-Istati Uniti




