Monday, April 29, 2024

PRESTIĠJU TAL-MANIFATTURA

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Biex jirnexxu, numru ta’ setturi ekonomiċi jeħtieġu jattiraw lejhom lil nies li jiddeċiedu li ħidma fihom toffrilhom skop u interess personali, apparti minn dħul finanzjarju tajjeb jew adewkat. Għalhekk, iridu jiksbu jew jikkoltivaw sens ta’ prestiġju fost il-poplu. Rajna dil-ħaġa tiġri kważi awtomatikament fl-aħħar snin fl-oqsma tat-teknoloġija tal-kompjuters u issa qed tinfirex sew fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali.

Kien hemm żmien meta l-manifattura f’Malta kienet tgawdi mill-istess awra. Żmien meta pprovdiet dħul ġdid li ta indipendenza finanzjarja lil ħafna żgħażagħ. Permezz tagħha, tgħallmu snajjiet ġodda. L-interess fiha u l-entużjażmu dwarha kienu kbar u fattur importanti fil-modernizzazzjoni soċjali ta’ Malta.

Dak iż-żmien ilu li għadda. Illum il-prestiġju tal-manifattura ftit jista’ jitqabbel ma’ dak li jgawdu setturi oħra. Il-kontribut tagħha fl-ekonomija ċkien. Kważi maġġoranza ta’ ħaddiema fiha huma barranin. Biex tgħaxxaqha, il-progress tekniku kbir li sar fit-tmexxija ta’ diversi azjendi ftit hu magħruf. Naħseb li jekk dal-progress jiġi ppreżentat tajjeb, il-prestiġju tal-manifattura jogħla sew.

KLIJENTELIŻMU

Fis-sistema politika Amerikana, hemm dawk li jissejħu “spoils”: l-użanza, kważi d-dritt, li l-partit li jirbaħ b’elezzjoni xi kariga politika jagħti impjiegi relatati mal-kariga lil dawk li għenu fil-kampanja. Jiġġustifikawha b’mod li jagħmel sens, għalkemm bħal kollox, b’esaġerazzjoni jista’ jittieħed lil hinn minn kull limitu. 

  Dan hu li f’demokrazija, biex tmexxi kampanja elettorali trid in-nies. Hu minnu li dawn in-nies iridu jaġixxu b’impenn politiku volontarju u personali. Imma dik il-motivazzjoni wkoll għandha l-limitu tagħha. Jintqal kif hu aħjar li dawn il-volontarji jiġu ppremjati għall-ħidma tagħhom billi jingħataw impjieg wara r-rebħa, milli l-kampanji politiċi jiġu dominati minn nies imqabbda u finanzjati mill-impriżi privati.

Dawn l-arranġamenti huma differenti mill-klijenteliżmu, li jiġi pprattikat  fl-Istati Uniti wkoll!

KAMPANJA PRESIDENZJALI 

Bħalissa għaddejjin sforzi kbar għalkemm diskreti biex iwasslu lil-President Joe Biden jagħmel bħal Lyndon Johnson fis-snin 60 tas-seklu l-ieħor u jirrinunzja li jerġa’ joħrog għall-Presidenza tal-Istati Uniti. Dan għax xjaħ wisq u Donald Trump qed jirnexxielu jirbaħ wisq appoġġi.

Il-ħsieb hu li jekk Biden jirtira u d-Demokratiċi jippreżentaw kandidat “ġdid” aktar żagħżugh, ipoġġu lil Trump – mitqies minn ħafna bħala periklu għad-demokrazija Amerikana – fi żvantaġġ kbir u l-partit tiegħu tar-Repubblikani jwaqqaflu l-appoġġ. 

  Problema hi li jekk Biden jirtira, liema kanddidat tad-Demokratiċi jista’ malajr isib l-appoġġ meħtieġ biex jirbaħ in-nomina għall-Presidenza bla ma jaqajjem diżgwid fil-Partit? U x’assigurazzjoni tista’ tingħata li jekk jinstab dal-proxxmu, Trump ikollu jitlaq jew li jekk ma jitlaqx se tkun ħaġa faċli biex j/tirbaħlu? Dwar hekk, għad irridu naraw.

Sport