Tuesday, April 23, 2024

Pretty Woman kien ħareġ 30 sena ilu

Aqra wkoll

Fl-1990, it-tlitt films li kellhom l-akbar suċċess kienu “Ghost”, “Home Alone” u “Pretty Woman”.  Dan ta’ l-aħħar kien iddebutta fit-teatri Amerikani fit-23 ta’ Marzu 1990 u rajnih fit-teatri lokali f’Novembru tal-istess sena.

“Pretty Woman” hu kummiedja romantika divertenti.  Julia Roberts kienet għadha fil-bidu tal-karriera tagħha.  Kien għad kellha 22 sena.  Qabel dan, kienet diġa ħadmet f’żewġ films fejn serqet l-attenzjoni tal-kritiċi u tal-pubbliku,  Qed nirreferi għall-films “Mystic Pizza” u “Steel Magnolias”.  Għall-parti tagħha  f’“Pretty Woman, rebħet il-Golden Globe bħalha l-aħjar attriċi u ġiet innominata kemm għall-British Film Award kif ukoll għall-Oscar.

Julia Roberts għandha l-parti tal-prostituta Vivian Ward.  Il-parti ġriet għand ħafna nisa qabel spiċċat għand Julia Roberts.  L-ewwel għażla tal-producers kienet Meg Ryan.  Meta rrifjutata, din il-parti ġiet offruta lil Kim Basinger, Melanie Griffith, Sharon Stone, Michelle Pfeiffer u Diane Lane. 

Anqas Richard Gere ma kien l-ewwel għażla għall-parti tan-nguzjant miljunarju u playboy Edward Lewis.  Al Pacino irrifjuta l-parti wara li għamel screen test ma’ Julia Roberts.  Richard Gere ma kienx konvint meta avviċinawh.  Bidel fehmtu meta d-direttur Garry Marshall ħa lil Julia Roberts d-dar ta’ l-attur u l-attriċi bdiet tħeġġu jaċċetta l-parti.

L-istorja hi sempliċi.  Edward ikun jixtieq mara takkumpanjah meta jattendi avvenimenti soċjali.  Meta jiltaqa’ ma’ prostituta li tgħoġbu hu joffrilha somma flus biex takkumpanjah.  Eventwalment, Edward isir iħobb lil Vivian.

Is-somma li joffrilha biex tgħaddi ġimgħa miegħu tkun ta’ $3,000.  Fil-bidu nett, dan il-film hekk kien ser ikunu jismu: $3,000!  Meta ftit nies għoġbithom l-idea dwar l-isem tal-film, il-producers marru għal “Pretty Woman” wara li akkwistaw id-dritt biex jużaw il-kanzunetta ‘Oh, Pretty Woman’ ta’ Ray Orbison.  

Hemm ħafna kurżitajiet interessanti dwar dan il-film.  Tlieta minnhom huma dawn.  Fil-poster, tidher dik li minn għalina hi Julia Roberts.  Il-mara li tidher fil-poster hi ras Julia Roberts imma l-bqija tal-ġisem hu ta’ l-attriċi Shelley Michelle.

It-tieni kużita hi marbuta mal-famuża xena meta Edward joffri ġiżirana lil Vivian qabel imorru biex jaraw l-opera ‘La Traviata’. Problema kbira matul il-film kollu għal Julia Roberts kienet li tidħak.  Id-direttur spiċċa irid joqgħod jgħarraxxa f’saqajha biex tidħak (hekk kellu jagħmel meta Vivian tkun qegħda tara episodju minn ‘I Love Lucy’).  Fix-xena tal-ġiżirana, malli din tkun għadha fil-kaxxa, Edward jaħsad lil Vivian billi jgħalqilha l-għatu għall-għarrieda hekk kif Vivian tipprova teħodha.  Dak il-ħin, Julia Roberts tant daħket bil-qalb u bla sforz ta’ xejn, li d-direttur ddeċieda li jżommha.

Dik il-ġiżirana li naraw fil-film tiswa $250,000.  Fiż-żewġ xeni fejn tidher biha, dejjem kien hemm is-security guard qrib biex jirritornha minnufih.

It-tielet u l-aħħar kurżita li ser nagħmel referenza għaliha hi l-karozza li jsuq Edward.  Il-karozza hi Lotus Esprit.  L-għażla oriġinali tal-karozza kienet differenti: Ferrari jew Porsche.  Imam dawn iż-żewġ kumpaniji ma riedux jipparteċipaw ġo film fejn is-suġġett hu li raġel qed jagħti flus lil prostituta biex tmur miegħu.  Il-kumpanija Ingliża Lotus rat l-affarijiet differenti.

Sport