Saturday, December 21, 2024

Preżentat t-tieni volum mill-pubblikazzjoni ‘Mapping the Rainbow’ dwar id-diversita’ fil-komunità LGBTIQ

Aqra wkoll

Ġiet imnedija l-pubblikazzjoni li tirrappreżenta l-proċedimenti tat-tieni simpożju ta’ riċerka dwar l-ilwien diversi tal-komunita’ LGBTIQ bl-isem ‘Mapping the Rainbow’. Dan il-proġett li seħħ f’April 2021, involva 16-il preżentazzjoni minn studenti f’livell Undergraduate, Post-graduate Diploma, Masters, Kandidati għad-Dottorat kif ukoll akkademiċi. 

Il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici, li presjeda din il-preżentazzjoni, qal: “Dan ix-xogħol se jkompli jitfa’ dawl fuq aspetti varji mill-esperjenzi tal-persuni LGBTIQ f’diversi setturi u sferi tal-ħajja. Xogħolijiet bħal dawn huma ta’ inkoraġġament għall-istudenti u akkademiċi sabiex jitfgħu lenti fuq ix-xogħol tajjeb u siewi li jsir mill-ogħla istituzzjonijiet edukattivi f’pajjiżna, b’riċerka akkademika li tgħin biex inkomplu nibnu fuq il-qafas legali u ta’ politika f’dan il-qasam.”

“Dan il-proġett se jgħinna nifhmu aħjar x’jistgħu jkunu l-effetti tal-omofobija u transfobija, u kif dawn jimmanifestaw ruhhom illum il-ġurnata. Huwa essenzjali illi l-isforzi tagħna jiffukaw fuq dawk li huma l-isfidi reali li jiltaqgħu magħhom persuni LGBTIQ f’pajjiżna. Dan jgħin biex nkunu tassew effettivi u nersqu dejjem aktar lejn ugwaljanza sħiħa,” kompla l-Ministru Bonnici.

Dan il-proġett kien frott ta’ kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment tal-Istudji tal-Ġeneru u Sesswalita’ tal-Università ta’ Malta, iċ-Ċentru ta’ Informazzjoni Europe Direct, id-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Moviment Malti għad-Drittijiet LGBTIQ (MGRM).

Din il-pubblikazzjoni tinkludi 15-il kontribuzzjoni miġbura taħt ħames oqsma tematiċi li jkopru l-Identità tal-Ġeneru; Kura Soċjali u Politika Pubblika; Edukazzjoni; Reliġjon u l-Ħajja Megħjuxa. 

Dawn ix-xogħolijiet ta’ riċerka jikkontribwixxu lejn korp ta’ għarfien li jista’ jipprovdi ħarsa lejn kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-persuni LGBTIQ f’Malta u jitfa’ dawl fuq dawk l-oqsma ta’ politika u l-provvista ta’ servizzi li jeħtieġ li jiġu indirizzati aħjar.

Ekonomija

Sport