Thursday, April 25, 2024

L-Air Malta tikkonferma li mhijiex qed tikkanċella rotot

Aqra wkoll

L-Air Malta qed tikkonsolida l-iskeda tat-titjiriet tagħha għax-xhur ta’ Jannar u Frar billi tnaqqas il-frekwenzi fuq ċerti rotot mingħajr ma tikkanċella xi waħda mir-rotot tagħha lejn is-16-il destinazzjoni mill-iskeda tax-xitwa. Dan it-tnaqqis, meħtieġ minħabba t-tnaqqis drammatiku fid-domanda f’dawn l-aħħar ġimgħat, huwa bħalissa komuni ħafna fl-industrija. Dan għaliex, fix-xenarju attwali, l-linji tal-ajru qed iħabbtu wiċċhom ma’ interruzzjonijiet multipli u bla preċedent fl-ivvjaġġar. 

S’issa, għall-kuntrarju ta’ xi linji tal-ajru oħra li joperaw fuq ir-rotta ta’ Malta, l-Air Malta mhix qed tippjana li tikkanċella xi waħda mir-rotot skedati ppjanati tagħha għal din ix-xitwa jew għas-sajf tal-2022. 

Fil-kummenti tiegħu dwar dan il-pjan, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Air Malta David G Curmi qal, “Qed nieħdu deċiżjonijiet bħal dawn biex inlaħħqu mad-domanda tal-klijenti u nevitaw titjiriet b’ajruplani vojta. Valutazzjonijiet bħal dawn għadhom għaddejjin u se jkomplu sakemm id-domanda terġa’ lura għal livelli b’saħħithom. F’dawn is-sitwazzjonijiet, għandna bżonn inkunu aġli ħafna u ddixxiplinati finanzjarjament biex inkunu nistgħu naġġustaw il-kapaċità tas-sit u niffukaw fuq l-effiċjenza biex nipproteġu l-likwidità u l-prestazzjoni finanzjarja tagħna. Minħabba ż-żminijiet bla precedent li qed ngħixu, u l-isfidi li qed tiffaċċja l-Air Malta, qegħdin kontinwament intejbu n-network tagħna għall-profittabbiltà u l-likwidità, u qed nippjanaw li nkomplu nagħmlu dan mingħajr kompromessi.” 

Iċ-Chairman kompla jgħid li, “F’dan ix-xenarju li dejjem qed jinbidel, huwa diffiċli ħafna li wieħed ibassar x’se jiġri, madankollu l-Air Malta hija impenjata li tibqa’ konnessjoni essenzjali matul is-sena kollha mal-Ewropa kontinentali mhux biss għall-ivvjaġġar u t-turiżmu iżda wkoll għat-trasferiment ta’ merkanzija medika urġenti, posta u merkanzija oħra ta’ importazzjoni u esportazzjoni meħtieġa għad-diversi industriji tagħna.” 

Roy Kinnear, il-Kap Kummerċjali tal-Air Malta żied jgħid, “Wara ż-żieda qawwija tal-varjant Omicron u l-introduzzjoni ta’ lockdowns jew lockdowns parzjali u restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar madwar l-Ewropa, l-Air Malta rat tnaqqis fil-bookings ġodda u rċeviet numru ta’ kanċellazzjonijiet għal ivvjaġġar matul il-perjodu tal-vaganzi u f’Jannar u Frar. Il-kanċellazzjonijiet seħħew fil-biċċa l-kbira tas-swieq tal-Air Malta bi grad differenti. Dawn ix-xejriet dejjem jinbidlu kienu tipiċi s-sena li għaddiet bis-swieq li fetħu u għalqu skont il-livelli ta’ theddid. It-tnaqqis attwali fil-bookings flimkien mal-fatt li Jannar u Frar naturalment huma xhur fejn id-domanda tkun aktar baxxa, sfortunatament wassal għal livell akbar ta’ konsolidazzjoni tal-frekwenza meta mqabbel ma’ dak li kien antiċipat qabel, iżda li kummerċjalment kien meħtieġ. 

“Il-biċċa l-kbira tal-linji tal-ajru jvarjaw il-kapaċità allokata tagħhom matul is-sena hekk kif li l-influssi tat-turiżmu f’Malta huma staġjonali ħafna, bl-istaġun ta’ attività għolja fix-xhur tas-sajf minn Lulju sa Settembru u l-istaġun baxx fix-xhur tax-xitwa minn Novembru sa Frar. Filwaqt li linji tal-ajru oħra joperaw b’kapaċità ferm aktar baxxa fix-xhur tax-xitwa, l-Air Malta tiżgura konnettività mal-ibliet ewlenin Ewropej u ajruporti ewlenin matul is-sena kollha,” temm jgħid is-Sur Kinnear. 

Sport