Sunday, December 29, 2024

Prezz “biċ-ċejċa” f’Jannar waħda mill-problemi maġġuri tal-iskarsezza tal-ħalib

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Kull wieħed u waħda minna bħala raħħala għandna l-permess tal-kwota u ndaħħlu l-fabbrika l-ammont skont kif indikat fl-istess permess. Il-ħlas tagħna jsir skont il-kwota li jkollna u l-kwalità tal-ħalib. Ftit tax-xhur ilu rċevejna ċirkolari li bħala raħħala konna qed nipproduċu ħafna iktar ħalib mid-domanda u li b’hekk il-prezz tal-ħalib ’il fuq mill-kwota kien se jorħos kważi għal xejn”. Hekk beda biex jgħid raħħal li tkellem ma’ dan is-sit meta mistoqsi dwar x’inhi l-problema li qiegħda twassal għal skarsezza fil-ħalib lokali. 

Huwa kompla biex jgħidilna li għalkemm hawn min qiegħed iġib l-iskuża primarja daqslikieku kienet il-qtugħ fil-provvista tal-elettriku, dan mhux minnu. Huwa fakkar li lejn l-aħħar ta’ Jannar fil-midja kienet bdiet tiċċirkola l-ittra li hu u sħabu kienu rċevew fejn intqalilhom li minħabba nuqqas fid-domanda pparagunata ma’ produzzjoni b’saħħitha ta’ ħalib, il-prezz tal-ħalib li jiddaħħal ’il fuq mill-kwota kien se jkun dak ta’ €0.001 għal kull litru. 

“Dik iċ-ċirkulari għalina kienet daqqa ta’ ħarta kbira għax bejn bl-esperjenza tagħna nafu li fis-sajf ikun hawn nuqqas minħabba diversi raġunijiet fosthom li l-baqar jieklu ħafna inqas u min-naħa l-oħra ma kinitx tagħmel sens li nibqgħu nagħlfu baqar li jipproduċu dak il-ħalib li konna qed nitħallsu tiegħu biċ-ċejċa”, kompla jgħidilna dan ir-raħħal filwaqt li spjega li dakinhar is-soluzzjoni biex il-qligħ jibqa’ jagħmel sens kienet li jnaqqsu mill-merħla tagħhom, iżda li llum qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta’ dik id-deċiżjoni inevitabbli. 

Dwar l-iskarsezza tal-ħalib staqsejna lis-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said li qalitilna li t-tibdil fil-klima u t-temperaturi sħan qed jikkawżaw diversi sfidi fuq ir-raħħala tal-baqar tal-ħalib. 

Ma’ Talk.mt hija qalet li ftit tal-ġranet ilu kienet qiegħda titkellem ma’ Silvan Abela, raħħal minn Ħal Għaxaq illi spjegalha li l-produzzjoni tal-ħalib qed tiġi affettwata minħabba s-sħana estrema li qiegħda taħkem lill-baqar. Żiedet tgħidilna li għalkemm hu fenomenu normali illi l-baqar jipproduċu aktar ħalib fix-xitwa milli fis-sajf, temperaturi għoljin qed jintensifikaw il-problema tal-produzzjoni. 

“Bħala Gvern dejjem konna proattivi biex ngħinu lis-settur tal-ħalib, kemm bħal investimenti infrastrutturali bħal għajnuna fuq l-irziezet kif ukoll assistenza finanzjarja biex intaffu miż-żieda fil-prezzijiet taċ-ċereali konsegwenza tal-gwerra”, saħqet Bugeja Said filwaqt li temmet biex tappella lill-konsumaturi sabiex ilkoll juru apprezzament lejn il-ħidma tar-raħħala, bdiewa u sajjieda tagħna billi jagħżlu prodotti li jipprovdulna friski u lokali b’tant sagrifiċċju u sfidi kbar.

Ekonomija

Sport