Thursday, April 18, 2024

PROBLEMI TAL-2022 LI SE JIBQGĦU MAGĦNA FL-2023

Aqra wkoll

Issa li s-sena 2022 saret biss parti mill-annali tal-istorja tal-umanità, jidher imma li l-problemi li ħakmu fit-12-il xahar li għaddew se jibqgħu jippersistu fl-2023 jekk ma jkunx hemm sforz internazzjonali qawwi u immedjat biex dawk id-diffikultajiet jiġu indirizzati.

L-insigurtà tal-ikel u l-għoli tal-prezzijiet kienu l-akbar problema persistenti fl-2022 u x’aktarx li tkompli tkun hekk fl-2023. Illum hemm aktar minn 820 miljun ruħ – aktar minn 10 fil-mija tal-popolazzjoni tad-dinja – jorqdu bil-ġuħ kull lejl. L-insigurtà tal-ikel ta’ bħalissa hija prodott ta’ diversi fatturi, inklużi kunflitti reġjonali u xokkijiet klimatiċi, u l-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna aggravat il-kriżi. L-ispejjeż tal-ikel għolew sal-ogħla livelli tagħhom f’aktar minn għaxar snin.

B’reazzjoni għal dawn id-dinamiċi inkwetanti, diversi pajjiżi malajr żiedu ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, partikolarment fuq l-ikel u l-fertilizzanti.

L-Istitut Internazzjonali tar-Riċerka dwar il-Politika tal-Ikel sab li 21 pajjiż imponea restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-ikel, li jkopru sebgħa fil-mija tal-kummerċ globali tal-ikel.

Ħafna minn dawn ir-restrizzjonijiet ġew imposti minn pajjiżi tal-Grupp ta’ Għoxrin (G20), ġabra tal-akbar ekonomiji tad-dinja. Fil-fatt, ftit aktar minn nofs ir-restrizzjonijiet kollha fuq l-esportazzjoni tal-ikel huma minn ekonomiji tal-G20.
Il-gwerra fl-Ukrajna mbagħad sfrattat b’mod sinifikanti l-ġarr tal-qamħ u rriskjat il-ġuħ f’pajjiżi li huma dipendenti ħafna fuq l-importazzjonijiet. Is-sanzjonijiet tal-Punent u tal-Unjoni Ewropea kontra r-Russja u l-alleat tagħha l-Belarussja wkoll kellhom irwol fit-tnaqqis tal-aċċess għal ċerti prodotti agrikoli.

Issa jidher ċar li sakemm il-gwerra fl-Ukrajna tkompli, l-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel x’aktarx tibqa’ magħna anki matul din is-sena.

F’pajjiżna minkejja li nimportaw kważi kollox għall-ħajja ta’ kuljum, ma jidhirx li ntlaqatna minn xi skarsezza ta’ ikel, b’danakollu ma setax jonqos li l-inflazzjoni tagħmel tagħha f’pajjiżna wkoll. L-impatt tal-għoli tal-ħajja, għalkemm qed jagħfas, ma ħassejniehx daqs pajjiżi oħra u dan għaliex il-Gvern ħaseb fin-nies u intervjena mill-ewwel b’sussidji qawwija fuq il-prezzijiet tal-enerġija, il-fjuwil u l-qamħ.

Iżda l-Gvern ma jistax jibqa’ jissussidja l-għoli tal-ħajja ad eternum. Xi darba dan irid jieqaf u għalhekk nemmnu li n-negozji, fosthom sidien ta’ ħwienet u stabbilimenti kummerċjali oħra, għandhom ikunu responsabbli aktar u ma jkunux huma stess li għar-rgħiba tagħhom iħeġġu l-inflazzjoni li tista’ ttellef il-kompetittività ta’ pajjiżna u tpoġġi lil tant familji fi tbatija bla bżonn.

Wara kollox, l-għoli tal-ħajja ma jinħassx biss mill-Maltin imma anki mit-turisti li jiġu f’pajjiżna li jekk jaraw li l-vaganza tagħhom f’Malta tkun għolja jibdew jabbandunaw lil pajjiżna u jfittxu destinazzjonijiet oħra aktar kompetittivi.

Ekonomija

Sport