Fl-aħħar jiem fuq is-siti soċjali nxtered ritratt ta’ tadam li jinsab fis-swieq lokali u li allegatment huma infettati bil-virus TOBRFV. Dan it-tadam jinsab fuq x’kafef li minnhom il-konsumatur lokali jixtri ta’ kuljum.
Dwar dan tkellimna ma’ kelliem għall-Għaqda Bdiewa Attivi u staqsejnieh jekk hemmx prodotti barranin partikolari li jeħtieġ li l-konsumatur joqgħod attent minnhom meta jkun qiegħed jagħmel ix-xirja tiegħu. Min-naħa tiegħu Malcolm Borg qalilna li m’hemmx xi prodotti partikolari li jkun ġej minn barra li rridu noqogħdu aktar attenti ghalihom apparti dawk li jwissu fuqhom l-Awtoritajiet tas-saħħa. Huwa fakkar li fil-komunikat tagħhom l-awtoritajiet tas-saħħa sas-sena li għaddiet wissiet dwar ħafna prodotti ġejjin minn barra li rriżultaw li li kellhom kimika perikoluża.
Staqsejnieh dwar il-benefiċċji li l-konsumatur jagħżel prodotti lokali fuq dawk impurtati. Borg spjega magħna li prodott frisk impurtat qatt ma jista’ jkun tajjeb daqs prodott Malti u dan għaliex li biex jagħmel tajjeb għall-vjaġġ, il-prodott jinqata’ meta ma jkunx misjur sabiex sakemm isib postu fuq l-ixkafef tas-supermarkets Maltin, ma jilħaqx ikun misjur iż-żejjed. “Għalhekk jinqata’ meta ma jkunx misjur… kultant ikun kważi nej. Minħabba f’hekk in-nutrijenti u togħma tal-prodott ma jkunux laħqu żviluppaw. Għal kuntrarju, il prodott Malti jinqata’ ftit sigħat qabel jiġi kkunsmat mill-konsumatur u allura jinqata’ matur u misjur”, spjega Borg.
Huwa spjega li apparti minn hekk, meta azjenda barranija tiddeċiedi li tkabbar l-affarijiet biex tesporta, tagħżel varjetajiet li jkunu jifilħu għall-vjaġġ. Il-prijorità tal-għażla tal-varjetà tkun ir-reżistenza għal vjaġġ mhux il-ħlewwa u t-togħma. “Dan qisu għandek bżonn kelb għall-għassa… ma tagħżilx Chihuahua imma tagħżel razza aħjar. Xorta kelb imma razez u karatteristici differenti”, żied jgħid Borg. Huwa żied jgħid li f’Malta l-għażla tal-varjetatjiet mhux preġudikata mill-vjaġġi għal esportazzjoni imma mit-togħma li jagħmel l-prodott Malti itjeb minn dak impurtat.
“Apparti minn hekk, meta prodott jiġi esportat, f’ħafna mill-każijiet jitrattawh b’ċertu kimika biex l-prodott jibqa’ talekwali. Għalhekk pereżempju naraw t-tuffieħ ileqq għax jiksuh bix-xemgħa biex it-tuffieħ ma jitlifx ilma minn ġo fih u allura jibqa’ kif ikun. Prodotti Maltin m’għandniex għalfejn nagħmlulhom hekk u allura m’għandhomx minn din it-tip ta’ kimika fuqhom bħal prodotti li ġejjin minn barra”, temm jgħid Borg.