Wednesday, April 24, 2024

Medja ta’ 50 applikazzjoni fix-xahar għall-iskema ‘Carer at Home’

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ħabbar dan f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ngħataw dettalji dwar din l-iskema, li permezz tagħha anzjani jingħataw għajnuna finanzjarja biex jimpjegaw carers kwalifikati tal-għazla tagħhom biex jgħinuhom fil-bżonnijiet tagħhom fid-dar privata. Dan mingħajr ma jitilfu d-dritt li jibbenefikaw minn servizzi addizzjonali offruti mid-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità.

Permezz taż-żieda allokata, il-benefiċċju taħt din l-iskema se jkun qed jiżdied minn €6,000 għal €7,000 fis-sena. Il-Ministru Michael Farrugia spjega li tul is-snin, il-benefiċċju żdied minn €4,500 fl-2016, għal €5,200 fl-2017,  €5,291 fl-2020 u €6,000 fis-sena fl-2021. Huwa qal li għaldaqstant, din hija l-ewwel darba li l-gvern alloka żieda ta’ €1,000 f’sena.

Il-Ministru Michael Farrugia spjega li grazzi għal din l-iskema, l-anzjan jibqa’ jgħix fil-kumdità tad-dar tiegħu.

Ġie spjegat ukoll li l-applikant jeħtieġ jissottometti formola ta’ applikazzjoni li tiġi evalwata mit-tim tal-CommCare fi ħdan id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC). L-applikant jeħtieġ li jsib u jimpjega carer kwalifikat/a li jkollu/jkollha d-dokumentazzjoni ta’ kwalifiċi meħtieġa, ftehim ta’ impjieg notarili u dokument uffiċjali minn Jobsplus jew ID Malta (din tal-aħħar f’każi ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi), li jindika li l-carer ikun/tkun reġistrat/reġistrata bħala impjegat/a mal-applikant. Ladarba tiġi sottomessa d-dokumentazzjoni, id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità jidħol fi ftehim ta’ servizz u l-benefiċċji jibdew jitħallsu direttament fil-kont bankarju tal-benefiċjarju.

Il-benefiċċju massimu jitħallas lil dawk li jimpjegaw carer fuq bażi full-time u l-ħlas isir kull xahar. Dawk li jagħżlu arranġament part-time jingħataw ħlas pro-rata skont is-sigħat involuti.

Il-Ministru Michael Farrugia spjega li sal-aħħar tal-2016, kien hemm 57 benefiċjarju għal din l-iskema, iżda matul is-snin, din kompliet tikseb aktar popolarità u sal-lum hemm 573 anzjan li qed jibbenefikaw minnha.

Id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qed jirċievi medja ta’ 50 applikazzjoni ġdida fix-xahar.

Aktar informazzjoni tinsab fuq is-sit web www.activeageing.gov.mt, dawk interessati jistgħu iċemplu ukoll liċ-Ċentru Servizz Anzjan fuq in-numru 2278 8800.

Sport