Is-serje televiżiva Ingliża The Assassin – Season 2 bħalissa qed tinġibed f’Malta, bil-filming ewlieni jsir bejn is-16 ta’ Frar u l-5 ta’ Ġunju 2026.
Din il-produzzjoni tinkludi sitt episodji ta’ 60 minuta kull wieħed. Id-Direttur ta’ din il-produzzjoni huwa Terry McDonough.
Il-filming qed isir f’diversi lokalitajiet madwar Malta, fosthom il-Belt Valletta, il-Furjana, ir-Rabat, Ħ’Attard, il-Mellieħa, Marsaskala u s-Siġġiewi, li juru l-versatilità ta’ Malta bħala destinazzjoni għall-produzzjonijiet internazzjonali.
Il-produzzjoni qed tibbenefika mill-inċentiv tal-40% Cash Rebate offrut mill-Malta Film Commission.
B’budget ta’ €17.1 miljun f’Malta, il-produzzjoni qed timpjega total ta’ 141 membru tal-ekwipaġġ, li minnhom 120 huma Maltin. Din il-produzzjoni qed tikkontribwixxi għal aktar opportunitajiet ta’ xogħol għall-ħaddiema Maltin, filwaqt li tkompli ssaħħaħ l-industrija lokali tal-films.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici sostna li l-programm tal-cash rebate jibqa’ pilastru importanti biex jiġu attirati produzzjonijiet internazzjonali lejn Malta, filwaqt li joħloq opportunitajiet ekonomiċi ġodda.
Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tal-Films Johann Grech qal li produzzjonijiet ta’ dan il-livell qed jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-ħiliet tal-crews Maltin, iżidu l-viżibilità internazzjonali u jkomplu jibnu industrija sostenibbli fit-tul.

