Il-libertà reliġjuża li ngawdu f’Malta ħafna drabi noħduha bħala xi ħaġa naturali. Madankollu, kif spjega Carmel Bonello, voluntier ma’ Aid to the Church in Need (ACN) f’intervista esklussiva li ta lil dan il-ġurnal, din hija realtà li miljuni ta’ nsara madwar id-dinja ma jafux x’inhi.
“Nibda biex ngħidlek li diversi nsara madwar id-dinja qed ibatu f’aktar minn 140 pajjiż,” qal Bonello waqt intervista fejn ta ħarsa lejn sitwazzjonijiet li spiss ma jaslux fil-midja internazzjonali. “Hemm pajjiżi fejn il-libertà reliġjuża sempliċiment ma teżistix, jew hija limitata ħafna.”
Bonello spjega li l-persekuzzjoni tieħu diversi forom, minn diskriminazzjoni sottili sa attakki diretti u vjolenti. “F’xi postijiet, sempliċiment li tilbes salib madwar għonqok jista’ jpoġġik fil-periklu. Hemm każijiet fejn nies jiġu attakkati fit-triq jew anke mhedda bil-mewt minħabba l-fidi tagħhom.”
Huwa żied jgħid li dawn in-nies jistgħu jitqiesu bħala “martri ta’ żminijietna”, li qed iħallsu prezz għoli biex jibqgħu leali lejn it-twemmin tagħhom.
Interessanti li, skont Bonello, dawn l-affarijiet mhux qed jiġru biss f’pajjiżi ’l bogħod.
“Anke fl-Ewropa rajna każijiet li huma xokkanti. Kultant tkun għaddej fit-triq u jiġri xi ħaġa bħal din. Ma nistgħux naħsbu li dan kollu hu biss problema ta’ kontinenti oħra.”
Minkejja dan, huwa jemmen li Malta għadha pajjiż fejn teżisti tolleranza kbira. “F’Malta għandna attitudni ta’ dak li bl-Ingliż insejħulu ‘live and let live’. Naraw nies ta’ reliġjonijiet differenti, bħal dawk li jilbsu l-velu, u ħadd ma jindaħlilhom. F’pajjiżi oħra, dan mhux dejjem il-każ.”
Madankollu, hemm sitwazzjonijiet fejn l-estremiżmu minn naħat differenti jwassal biex tfal u familji jispiċċaw fil-qalba tal-kunflitt. Bonello semma eżempji minn pajjiżi bħall-Indja, fejn xi drabi familji Nsara jiġu fil-mira. “Hemm każijiet fejn tfajliet jiġu maħtufa u mġiegħla jiżżewġu. Il-familji jkollhom jitħabtu bil-qorti biex jippruvaw iġibuhom lura, u xi drabi lanqas jirnexxielhom.”
F’dan il-kuntest, il-ħidma ta’ Aid to the Church in Need hija kruċjali. Din l-organizzazzjoni internazzjonali Kattolika, li twaqqfet fl-1947 minn Father Werenfried van Straaten, taħdem taħt l-awspiċi tal-Papa u tiffoka sabiex tgħin lill-Insara ppersegwitati u dawk li qed ibatu.
“Il-missjoni tagħhom hija mibnija fuq tliet pilastri: informazzjoni, talb u azzjoni,” spjega Bonello. “Ma nitkellmux biss dwar il-problemi, imma nippruvaw nagħmlu xi ħaġa konkreta.”
Fil-fatt, ACN tiffinanzja eluf ta’ proġetti kull sena. Dawn jinkludu għajnuna pastorali bħat-taħriġ tas-seminaristi u l-appoġġ lis-saċerdoti, iżda wkoll għajnuna umanitarja diretta bħal ikel, mediċini u kenn f’żoni ta’ kunflitt.
Bonello enfasizza li, minkejja l-isfidi u l-istejjer negattivi, hemm ukoll ħafna sinjali ta’ tama. “Fil-Libanu, pereżempju, ACN qed tgħin skejjel, mhux biss Insara, imma anke dawk tal-Musulmani. L-ekonomija hemmhekk hija falluta u l-gvern ma jistax iħallas lill-għalliema.”
Huwa spjega kif, permezz ta’ dawn il-proġetti, tfal minn familji foqra qed jingħataw mhux biss edukazzjoni, iżda wkoll ikla sħuna kuljum. “Xi tfal qabel kienu jieklu biss biċċa ħobż. Issa qed jingħataw soppa sħuna. Dawn huma affarijiet bażiċi, imma jagħmlu differenza enormi.”
Sitwazzjoni oħra li semma hija dik tal-Ukrajna, fejn il-gwerra ħolqot bżonnijiet kbar. “Hemmhekk l-ACN qed tgħin lis-saċerdoti biex isiru community leaders. Mhux biss jagħtu appoġġ spiritwali, imma jqassmu mediċini u għajnuna oħra.”
Bonello rrakkonta kif ħafna rġiel ġew imsejħa għall-gwerra, u b’hekk ħafna komunitajiet spiċċaw mingħajr sostenn. “Is-saċerdoti qed jieħdu ħsieb lill-anzjani, lill-persuni b’diżabilità, u lil dawk li m’għandhom lil ħadd. Jgħinu wkoll lil min irid jaħrab jew li spiċċalu kollox.”
F’dan kollu, ACN tkompli wkoll tqajjem kuxjenza globali dwar il-libertà reliġjuża permezz ta’ inizjattivi bħall-#RedWednesday, fejn binjiet u katidrali jiġu mdawla bl-aħmar biex ifakkru fid-“demm tal-martri”.
Fl-istess waqt, Malta se jkollha l-opportunità tilqa’ lil espert internazzjonali f’dan il-qasam, Neville Kyrke-Smith, li se jkun f’pajjiżna bejn it-22 u l-25 ta’ April. “Huwa ġej biex jistrieħ ftit, imma se nieħdu l-opportunità biex nagħmlu intervista miegħu dwar dawn ir-realtajiet,” qal Bonello.
Din iż-żjara mistennija tkompli tixħet dawl fuq sitwazzjonijiet li ħafna drabi jibqgħu moħbija, u tgħin biex il-pubbliku Malti jifhem aħjar x’inhu jiġri lil hinn minn xtutna.
Barra minn hekk, Bonello spjega li Aid to the Church in Need ma taħdimx biss fuq livell ta’ għajnuna immedjata, iżda wkoll fuq livell ta’ dokumentazzjoni u informazzjoni. “Ir-rapport dwar il-libertà reliġjuża li joħroġ kull sentejn huwa għodda importanti ħafna.
Dan mhux biss jgħin biex nifhmu x’inhu jiġri, imma wkoll biex jinħolqu diskussjonijiet fuq
livell internazzjonali.” Huwa saħaq li l-għarfien huwa l-ewwel pass lejn il-bidla. “Jekk ma nkunux nafu x’qed jiġri, ma nistgħux nagħmlu xejn dwaru. Għalhekk irridu nibqgħu ninfurmaw u nqajmu kuxjenza.”
“Importanti li ma ninsewx li dak li għandna aħna mhuwiex normali għal kulħadd,” temm jgħid Bonello. “Hemm ħafna nies li kuljum jgħixu fil-biża’ sempliċiment minħabba l-fidi tagħhom. U hemmhekk nidħlu aħna, biex nagħtu vuċi lil min m’għandux waħda.”

