Saturday, April 18, 2026

Raġel mixli b’serqa vjolenti fil-Marsa

Aqra wkoll

Christian Cali ta’ 25 sena tressaq fil-qorti mixli b’serqa vjolenti li allegatament seħħet fil-Marsa, fejn vittma ġie mitlub jidħol f’dar u hemmhekk ġie attakkat u misruq.

L-allegat każ seħħ seħħ fl-10 ta’ April bejn il-5.00 p.m. u s-7.00 p.m. fi Triq San Pawl, il-Marsa. Il-vittma rrapporta li waqt li kien miexi, mara avviċinatu u talbitu jgħinha ġġorr xi affarijiet. Allegatament hija għamlitlu sinjal biex jidħol ġewwa residenza.

Wara li daħal ġewwa, il-bieb ingħalaq u l-vittma sab ruħhu quddiem żewġt irġiel li allegatament aggredewh. Wieħed minnhom kien qed iżomm biċċa njama u sar ukoll xi theddid. Il-vittma nsterqulu żewġ mobiles u kartiera, qabel ma ġie mbuttat ’il barra mill-proprjetà.

Il-vittma għamel rapport lill-pulizija, li bdiet investigazzjoni u ġabret filmati tas-CCTV. Minn dawn, ġie identifikat u arrestat wieħed mill-allegati aggressuri, li wassal biex Cali tressaq il-Qorti.

L-imputat, li huwa bla xogħol u mingħajr residenza fissa, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Matul il-proċeduri, id-difiża mmexxija mill-avukat Josè Herrera ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju. Madankollu, il-Qoti ġiet infurmata li l-akkużat beħsiebu jfittex għajnuna mingħand Caritas, u għalhekk irrakkomandat li l-Faċilità Korrettiva ta’ Kodin tipprovdilu l-appoġġ meħtieġ, inkluż kura medika, psikoloġika u għajnuna biex jegħleb il-vizzju tad-droga.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa flimkien mal-Avukat Miryea Mifsud mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport