Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni Andy Ellul ħabbar il-pubblikazzjoni aġġornata taċ-Charter tad-Drittijiet tal-Ħaddiema.
Waqt konferenza organizzata fil-fabbrika Thermoplastics fil-Marsa, li mmarkat il-bidu ta’ Kampanja Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Ħaddiema, Dr Ellul spjega kif dan iċ-charter aġġornat se jelenka d-drittijiet kollha tal-ħaddiema f’Malta, fosthom numru ta’ miżuri li ttieħdu fl-aħħar xhur u snin.
“Id-dritt pereżempju, li wieħed ikun jaf is-salarju tiegħu saħansitra fi stadju ta’ interview. Il-protezzjoni aktar ċara fejn jidħol il-perjodu ta’ probation. Id-dritt li tingħata payslip u t-trasparenza li din iġġib magħha. Il-fatt li waqqafna dawk li kienu magħrufa bħala zero-hour contracts. Kundizzjonijiet ugwali għall-ħaddiema tal-aġenziji tal-impieg, kif ukoll il-ligijiet li daħħalna biex irregolajna s-settur tat-temping agencies”, spjega s-Segretarju Parlamentari Ellul.
Huwa kompla jelenka drittijiet oħra li l-Gvern introduċa riċentement. Fost dawn, il-protezzjoni kontra fastidju jew vjolenza fuq il-post tax-xogħol u anke t-tisħiħ ta’ leave differenti.
“Saħħaħna l-leave tal-paternità, daħħalna leave għall-ġenituri u dan filwaqt illi għamilna pass storiku bl-introduzzjoni tal-miscarriage leave imħallas mill-Gvern, li jingħata lill-koppji meta l-mara tkorri t-tqala tagħha. Saħħaħna wkoll il-parental bereavement leave. Dak il-leave mogħti lill-ġenituri meta jitilfu wild minuri,” saħaq Dr Ellul.
Huwa kompla jgħid li l-Gvern ħadem qatigħ biex jissaħħaħ l-infurzar u kien assigurat li kull ħaddiem jitħallas dak li ħaqqu, fil-ħin u b’payslip li tagħti d-dettalji kollha tal-paga.
Dan iċ-charter jitkellem ukoll dwar drittijiet fundamentali oħrajn bħall-protezzjoni tal-paga minima, il-ħinijiet tax-xogħol, ir-rati tal-overtime, ir-rati tal-leave u s-sick leave u l-perjodu ta’ notice.
Is-segretarju parlamentari ddeskriva dan iċ-charter bħala ċelebrazzjoni ta’ dak miksub sa issa. “Il-verità hija waħda, dik li d-dinja tax-xogħol dejjem tevolvi, it-teknoloġija tinbidel, l-aspettattivi dejjem jikbru. U għalhekk, aħna wkoll irridu naraw li nibqgħu nevolvu.”
Dr Ellul faħħar il-ħidma tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impieg (DIER). Huwa qal li l-Gvern se jkompli jinvesti bil-qawwi biex isaħħaħ id-DIER kemm mill-aspett ta’ riżorsa umana kif ukoll fejn tidħol infrastruttura.
Is-segretarju parlamentari temm jgħid li l-Gvern se jkompli jaħdem biex isaħħaħ il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, iżid il-protezzjoni tal-ħaddiema u jiddaħħlu aktar mekkaniżmi ta’ infurzar. “Din hija direzzjoni. Direzzjoni fejn it-tkabbir ekonomiku u l-ġustizzja soċjali jimxu id f’id. Fejn id-dinjità fuq il-post tax-xogħol mhix negozjabbli. U fejn kull ħaddiem jaf li dak li hu tiegħu bi dritt, għandu jingħatalu. Dan kollu se nibqgħu nagħmluh flimkien mal-imsieħba soċjali. Se nibqgħu nisimgħu, u se nibqgħu naġixxu,” temm jgħid Dr Ellul.
Indirizzat ukoll il-Konferenza d-Direttur Ġenerali tad-DIER Diane Vella Muscat li spjegat kif is-suq tax-xogħol f’Malta evolva b’mod sinifikanti, bi tkabbir, diversifikazzjoni u forom ġodda ta’ impjieg, inkluż xogħol fuq pjattaformi diġitali, aktar flessibbiltà fl-arranġamenti tax-xogħol, remote working u mudelli ġodda ta’ servizz. Hija enfasizzat l-importanza li d-drittijiet tal-ħaddiema jibqgħu ċari, aċċessibbli u effettivament protetti.

