Saturday, November 16, 2024

Proġett pilota dwar it-tagħlim tal-Intelliġenza Artifiċjali fl-iskejjel

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-kumpanija Lincoln Method ibbażata fil-Finlandja qiegħda tħejji rapport li se tgħaddih lill-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima. Dan fi sfond li l-kumpanija temmen li t-tfal għandhom dritt ikunu jafu x’inhi l-intelliġenza artifiċjali (AI) u kif din taħdem. Dan ir-rapport se jkun jinkludi mhux biss lill-iskejjel tal-istat imma wkoll skejjel indipendenti u dawk tal-Knisja.

Dwar dan, Talk.mt tkellmet ma’ Dr Saleem Qureshi, li huwa l-ko-fundatur ta’ Licoln Method Finland, li qal li dan il-esperiment fit-tagħlim tal-AI fl-iskejjel kien introdott għall-ewwel darba fil-Finlandja stess, wara li huma identifikaw li l-aktar suġġett li t-tfal għandhom jitgħallmu fid-dinja tal-lum kien proprju dwar l-AI. 

Huwa qal li l-akbar biża’ bħalissa hi li d-dinja se tinqasam f’żewġ kategoriji – dawk in-nies li għandhom u jużaw l-internet u dawk li jużaw l-internet iżda huma konxji wkoll mill-potenzjal tal-intelliġenza artifiċjali.  Qal li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jħarrġu lit-tfal minn età żgħira ħafna dwar dan il-fenomenu tal-AI, li fi kliemu hija għodda importanti għat-tagħlim.

Huwa rrefera wkoll għall-periklu li qed jikber li l-intelliġenza artifiċjali b’mod ġenerali tista’ ssir mekkaniżmu li jsir intelliġenti aktar mill-bniedem. Hawnhekk staqsa x’għandu jsir, jekk għandniex nagħlqu għajnejna għal dan jew inkella ngħallmu lit-tfal tagħna dwar l-AI. 

Fir-rigward ta’ Malta, huwa qal li tkellem mal-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima u qablu li jkun hemm “road map” għal pajjiżna, illi l-għan huwa li jkun żgurat li kull tifel u tifla fl-iskejjel jiksbu għarfien biżżejjed dwar l-AI u x’impatt, tajjeb jew ħażin, jista’ jkollu fuq ħajjithom. 

Fil-fatt, fl-aħħar jiem, tnieda proġett pilota fi tliet skejjel f’Malta u f’Għawdex. F’dan il-proġett, l-istudenti taħt it-13-il sena ngħataw togħma ta’ xi tfisser l-AI rigward il-privatezza, l-opportunità li din se ġġib magħha u anke ntwerew kif jużaw l-għodod tal-AI. 

Sadanittant, Dr Qureshi qal illi kellhom talba mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex isir magħruf kif din l-opportunità tista’ sservi sa minn kmieni biex l-istudenti li jiggradwaw itejbu d-dħul tagħhom, billi jkunu jafu kif jużaw l-għodod tal-AI. Tenna wkoll li parti mill-programm tagħhom huwa li jagħtu lill-istudenti li għadhom qed jitgħallmu l-AI vuċi fil-livell globali. 

Fost ix-xewqat tagħha, Lincoln Method għandha dak li Malta tkun ċentru fil-Mediterran biex tilħaq pajjiżi oħra fir-reġjun. Dr Qureshi rringrazzja lil diversi kapijiet tal-iskejjel Maltin u edukaturi li taw l-appoġġ tagħhom biex jieħdu sehem f’dan il-proġett pilota kif ukoll lil Mikko Puhakka li assistieh fil-loġistika.

Il-proġett pilota kellu l-appoġġ tal-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Estonja u l-Finlandja Dr Kenneth Vella. Malta Enterprise qiegħda tassisti wkoll f’din l-inizjattiva. 

Ekonomija

Sport